Studju li eżamina primarjament kemm jiswa biljett tat-trasport pubbliku u kemm hu faċli libiex wieħed jakkwistah poġġa lil Malta fit-tieni post fost 30 pajjiż Ewropew u l-bliet kapitali tagħhom.
L-istudju sar mill-organizzazzjoni ambjentalista internazzjonali Greenpeace, li evalwat ukoll l-iskontijiet li jingħataw għal gruppi bħal studenti, familji, anzjani, u persuni b’diżabilità, kif ukoll ir-rata tal-VAT fuq il-biljetti.
F’dan l-istudju Malta klassifikat fit-tieni post bi 88 punt minn 100. Kien biss il-Lussemburgu li ġab mijja minn mija.
Min-naħa l-oħra, il-Bulgarija ġiet ikklassifikata bħala li għandha l-agħar trasport pubbliku u lanqas kisbet punt.
Intant, il-Belt Valletta ġiet fl-ewwel post fil-klassifika tal-bliet kapitali, flimkien mal-belt kapitali tal-Lussemburgu u Tallinn, fl-Estonja.
Dan minħabba li fit-tlett ibliet, it-trasport pubbliku huwa b’xejn.
Bħala kapitali, Malta kisbet il-punti kollha.
L-iktar bliet kapitali fejn il-biljetti tat-trasport pubbliku huma għaljin huma Londra, Dublin, Pariġi, u Amsterdam, filwaqt li l-orħos biljetti huma fi Praga, Bratislava, Ruma, Vjenna, u Madrid.
Ir-rapport jinnota ukoll li, minn Ottubru li għadda, is-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna sar bla ħlas għal kulħadd.
L-organizzazzjoni rrimarkat li meta t-trasport pubbliku jkun affordabbli, igawdu kemm il-konsumaturi kif ukoll l-ambjent.