Ċifri tal-uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea juru li f’Jannar li għadda Malta kellha t-tieni l-anqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u lanqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha li jħaddnu l-munita ewro. Statistika maħruġa mill-Eurostat turi r-rata tal-qgħad f’Malta naqset minn 4.2 fil-mija f’Jannar tas-sena l-oħra għal 3.5 fil-mija f’Jannar li għadda. L-inqas rata ta’ qgħad kienet irreġistrata mir-Repubblika Ċeka bi 2.4 fil-mija waqt li l-Ġermanja kellha t-tielet lanqas rata ta’ qgħad bi 3.6 fil-mija.
L-ogħla rati ta’ qgħad kienu rreġistrati fil-Greċja bi kważi wieħed u għoxrin fil-mija, minn Spanja b’aktar minn sittax fil-mija u mill-Italja b’aktar minn ħdax fil-mija. Il-qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kien ta’ 8.6 fil-mija.
Iċ-ċifri juru wkoll li Malta kompliet tnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ ta’ taħt il-ħamsa u għoxrin sena. Fil-fatt Malta kellha l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha Ewropej.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li f’Jannar li għadda kważi tmintax-il miljun ruħ fil-pajjiżi kollha tal-unjoni ewropea kienu qed jirreġistraw għax-xogħol.