L-għażla tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea qed tqanqal ħafna analiżi fuq mezzi tax-xandir minn madwar id-dinja.
Il-Financial Times issemmi lil Malta meta tgħid li minkejja t-twissijiet tal-aġenzija ta’ credit rating Fitch, id-deċiżjoni tar-Renju Unit mhux se jkollha effett immedjat fuq ir-ratings ta’ pajjiżi oħra Ewropej.
Fitch niżlu r-rating tar-Renju Unit għal AA u wissew dwar riskji politiċi, l-aktar li ħsibijiet populisti jinxterdu madwar il-kontinent Ewropew.
Dejjem skont Fitch, Malta, l-Irlanda, il-Belġju, l-Olanda, Ċipru u l-Lussemburgu huma l-aktar esposti għall-konsewgenzi ekonomiċi ta’ Brexit. Dawn il-pajjiiż flimkien ifissru 8% tal-importazzjoni kollha mir-Renju Unit.
Iżda dan mhux l-aktar li qed iħasseb lil Fitch. Jemmnu li Brexit joħloq preċendent għal partit li jopponu l-Unjoni Ewropea, u jġiegħel lil mexxejja Ewropej jaħsbuha darbtejn qabel jimplimentaw miżuri li ma jkunux popolari imma jkollhom benefiċċji ekonomiċi fit-tul.
Il-lira sterlina niżlet fl-inqas livelli minn nofs is-snin tmenin, u dan jgħin il-kompetittività tar-Renju Unit meta l-valur dgħajjef tagħh jkun imqabbel mal-valur tal-ewro. Dan jgħodd l-aktar għal pajjiżi bħal-Lussemburgu u l-Ġermanja, li għandhom assi kbar fir-Renju Unit.