Il-fatt li Malta għandha siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u li, matul ix-xahar ta’ Frar, għandha wkoll il-Presidenza ta’ dan l-organu importanti fin-Nazzjonijiet Uniti, hija ta’ opportunità kbira għal pajjiżna.
Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u l-Kummerċ, Ian Borg, f’intervista ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet fil-binja tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.
Huwa qal, “Hija opportunità li turi li, għalkemm pajjiż żgħir, xorta waħda għandna x’nikkontribwixxu. Hawnhekk m’aħniex qed nikkontribwixxu fl-interess tagħna, ta’ pajjiżna, imma fl-interess tal-komunità internazzjonali, bil-politika li dejjem ħaddanna meta għandu x’jaqsam mal-affarijiet barranin: politika tal-onestà, tat-trasparenza, illi rridu lil kulħadd jirrispetta t-trattati u l-liġijiet internazzjonali.”
Il-Ministru Ian Borg semma li, taħt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tas-Sigurtà, se jitfakkar l-ewwel anniversarju mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Fl-erbgħa u għoxrin (24) ta’ Frar se ssir waħda mill-attivitajiet prinċipali li se tagħmel il-Presidenza Maltija f’dan ix-xahar, li mistiedna għaliha hemm numru ta’ kelliema u r-rappreżentanti minn madwar id-dinja li ntlaqtu minn din il-gwerra.
Prijiorità oħra għal pajjiżna tul dan ix-xahar hija dik tal-fenominu tat-tibdil fil-klima, suġġett li pajjiżna dejjem kien minn ta’ quddiem biex jiddiskutih.
Il-Ministru stqarr, “Dan kien ġara fl-1967, fl-1988, meta ħdimna fuq il-Liġi tal-Ibħra, fuq il-fatt li t-tibdil fil-klima semmejnih għall-ewwel darba bħala pajjiż, u allura kien f’waqtu illi waqt li qed nippresjedu nagħmlu dan id-dibattitu miftuħ, fejn jiena stedint ’il fuq minn 50 ministru minn gżejjer Stati madwar id-dinja.”
Il-Ministru Borg qal li l-għan huwa li pajjiżna jaħdem ma’ dawn l-Istati żgħar, waqt li jaqsmu bejniethom l-aħjar ideat, flimkien mal-esperti f’dan il-qasam. Sfortunatament, jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, fl-2060 biljun persuna jkollhom jiċċaqalqlu minn djarhom.
F’dan il-kuntest, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti semma l-inizjattiva ‘Island for Islands’, li tnediet mill-Prim Ministru Malti Robert Abela fil-laqgħat għolja dwar it-tibdil fil-klima f’fora internazzjonali.