Joe Gerada nħatar bħala President tal-Kumitat dwar il-Koeżjoni Soċjali, fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet Soċjali tal-Kunsill tal-Ewropa. Din il-kariga se jkun qed jokkupaha għat-tliet snin li ġejjin.
Dan il-Kumitat jiġbor fih 46 membru stat tal-Ewropa, kif ukoll rappreżentanti tal-istituzzjonijiet ewlenin Ewropej fosthom il-Bank tal-Iżvilupp Ewropew, l-Assemblea Parlamentari, il-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet Umani u l-Kummissjoni Venezja.
L-għan ewlieni tal-kumitat huwa li jeżamina l-fatturi li jgħinu lis-soċjetà ssaħħaħ l-istabilità soċjali, l-inklużjoni u l-ugwaljanza filwaqt li jidentifika sitwazzjonijiet ta’ tensjoni li jwasslu għall-faqar u perikli għall-paċi.
Għaldaqstant, dan il-kumitat jaħdem biex kull ċittadin Ewropew ikollu l-opportunità li jgawdi d-drittijiet soċjali, l-edukazzjoni, servizzi tas-saħħa, xogħol diċenti, akkomodazzjoni diċenti u l-ħarsien soċjali.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li l-Presidenza ta’ Malta ta’ dan il-Kumitat huwa rikonoxximent ċar tal-ħidma ta’ pajjiżna fil-qasam soċjali.