Malta għamlitha fil-lista tal-aktar għaxar destinazzjonijiet imfittxija fuq Google din is-sena, fejn ikklassifikat fid-disa’ post.
Google ppubblika r-rapport tiegħu ta’ tfittxijiet li saru fuqu tul din is-sena.
Fis-sezzjoni tal-ivvjaġġar, jirriżulta li Malta kienet id-disa’ l-aktar pajjiż li nkiteb f’Google tul l-2023.
Fost il-fatturi li pajjiżna huwa magħruf sew għalihom li jattiraw lit-turisti, huma t-temp sabiħ tul is-sena, l-istorja rikka li sawret lil Malta, u anki għaliex pajjiżna ntuża bħala sfond ta’ diversi films ikoniċi bħal Gladiator, Game of Thrones u Troy.
Ma’ dawn, wieħed jista’ jżid id-diversi ristoranti, bars u lukandi li jilqgħu lit-turisti, b’servizz tal-ogħla livell.
Il-gżira tagħna tidher fil-lista ma’ disa’ pajjiżi oħra magħrufa sew għall-kulturi li joffru – li huma l-Marokk, l-Eġittu, it-Tajlandja, Ċipru, il-Kroazja, il-Portugall, l-Italja, Spanja, u l-ewwel fil-quċċata – il-Greċja.
Dan ikompli jikkonferma s-settur turistiku b’saħħtu li għandha Malta, li din is-sena mistenni jkun aqwa minn dak tal-2019, li kienet sena rekord qabel il-pandemija. Ċifri ta’ turisti li żaru Malta fl-aħħar xhur diġà juru li kienu aqwa minn dawk tal-2019.