Il-Gvern Malti u l-Fondazzjoni Nippon fil-Ġappun iffirmaw ftehim ta’ koperazzjoni dwar kwistjonijiet internazzjonali li jinvolvu l-oċeani u l-ambjent.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela ffirma dan il-ftehim mad-Direttur Eżekuttiv mill-Fondazzjoni Ġappuniża Mitsuyuki Unno, fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Dan il-ftehim juri l-impenn tal-Gvern Malti lejn l-hekk imsejħa Kostituzzjoni dwar l-Oċeani, mfassla fl-1982 min-Nazzjonijiet Uniti, li tibqa’ l-bażi tal-ħarsien tal-affarijiet Marittimi. Bil-ftehim, il-Gvern Malti u l-Fondazzjoni Nippon se jaħdmu flimkien fuq dan is-settur, u setturi oħra ta’ interess komuni.
F’laqgħa maċ-Chairman ta-Fondazzjoni Yohei Sasakawa, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva lil Malta bħala Gżira marittima, li l-politika nternazzjonali tagħha hija mmirata lejn żvilupp kontinwu tal-governanza globali dwar l-oċeani u t-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-pajjiżi.
“Malta temmen li kwistjonijiet bħall-użu sostenibbli tal-oċeani u r-riżorsi tagħhom, għandhom ikunu ndirizzati b’mod multidixxiplinarju tal-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani”, qal il-Prim Ministru.
Il-Fondazzjoni Nippon ġiet stabbilita fl-1962 u timbotta attivitajiet filantropiċi u żvilupp marittimu globali. Il-Fondazzjoni tgħin ukoll fis-settur umanitarju, fis-saħħa pubblika, u l-edukazzjoni.