Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela attenda għal-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Ministri għas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea, fi Brussell fejn spjega li minkejja li pajjiżna huwa wieħed awto suffiċjenti fin-numru ta’ tobba xorta waħda jiddependi fuq infermiera u carers barranin. Waqt l-istess laqgħa l-Ministru tenna li Malta tappoġġja bis-sħiħ kull sforz tal-Presidenza Belġjana, biex jiġi assigurat li kull stat membru jkollu provvista sikura ta’ infermieri.
Fid-diskors tiegħu, saħaq ukoll fuq l-importanza ta’ miżuri favur il-familja, l-edukazzjoni u l-ħiliet fid-diġitalizzazzjoni u l-inklużjoni tal-intelliġenza artifiċjali għax tgħin il-prestazzjoni tal-ħaddiem.
Intant, Id-Deputat Prim Ministru tal-Belġju Dr Frank Vandenbroucke u d-Direttur Reġjonali tal-WHO Dr Hans Kluge, laqgħu s-suġġerimenti tal-Ministru Abela b’mod pożittiv filwaqt li wkoll għamlu r-rimarki tagħhom.
Il-ministru tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-Istati Membri kollha jintensifikaw il-ħidma tagħhom f’dak li jirrigwarda kura preventiva, sabiex ikompli jonqos il-mard tal-puplesija, mard tal-qalb u l-kanċer.
Il-Ministru Abela insista li l-istati membri ż-żgħar għandhom igawdu mill-benefiċċji sħaħ tas-suq waħdieni, fil-qafas farmaċewtiku li qed jiġi nnegozjat bħalissa.