“Malta temmen kompletament fil-potenzjal enormi tas-settur kulturali fil-kontinent Ewropew u temmen li bit-tisħiħ tal-programm Ewropa Kreattiva, iwassal għal iktar opportunitajiet għall-kreattivi Ewropej, inkluż dawk Maltin.” Dan qalu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt li kien qed jindirizza laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Kultura tal-Unjoni Ewropea fi Brussell.
Il-Ministru Bonnici qal li l-programm Ewropa Kreattiva huwa għodda meħtieġa fit-tisħiħ tad-diversità kulturali u sabiex ikomplu jippromwovu l-arti u l-ħsieb artistiku, u fl-istess waqt jagħti spinta lill-ekonomija tal-arti u l-kreattività.
“Sabiex jiġu appoġġjati aktar organizzazzjonijiet iżgħar, proġetti ta’ kooperazzjoni fuq skala kbira jistgħu jinkludu rekwiżit għal rappreżentanza bilanċjata fost atturi kulturali akbar u iżgħar,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru saħaq li s-simplifikazzjoni tal-applikazzjonijiet u r-rappurtar jistgħu jgħinu wkoll fl-indirizzar tal-isfidi għas-setturi kulturali u kreattivi. Spjega kif huwa importanti li jikkunsidraw il-kuntest usa’ li joperaw fih filwaqt li rrefera għal bosta sfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa fosthom tfixkil fil-kummerċ, instabbiltà ġeopolitika, u kunflitti li jaffettwaw direttament il-kontinent.
Il-Ministru Bonnici qal illi dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati b’approċċ li jħares ’il quddiem u permezz ta’ policies kulturali flessibbli. “Irridu nibnu fuq strutturi eżistenti filwaqt li nżommu mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, filwaqt li niżguraw li s-settur kulturali jibqa’ reżiljenti u reattiv għall-isfidi li niffaċċjaw,” saħaq il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru Bonnici semma wkoll kif it-teknoloġija qed tkompli ssawwar id-dinja u qal li jridu joħolqu bilanċ bejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-artisti u l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni. “Minflok ma nagħlqu lill-artisti tagħna f’qafas restrittiv, irridu nagħtuhom is-setgħa li jimpenjaw ruħhom ma’ teknoloġiji emerġenti, u niżguraw li l-Ewropa tibqa’ kompetittiva fix-xena globali,” saħaq il-Ministru Bonnici.
Matul il-laqgħa ġew approvati wkoll konklużjonijiet marbuta ma’ tibdil fl-Audiovisual Media Services Directive bil-għan li l-qafas leġiżlattiv ikopri wkoll kontenut ta’ attivitajiet online emerġenti.