Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, Malta affermat mill-ġdid is-solidarjetà tagħha mal-poplu Ukren waqt il-gwerra li għaddejja f’pajjiżu.
Fl-ewwel ġurnata ta’ dan il-Kunsill tal-Ministri, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren, Dmytro Kuleba.
Fi tmiem il-laqgħa, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, ta dawn il-kummenti.
Qal, “Diskussjoni wkoll mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna. L-Ukrajna, li bħalissa qed tesperjenza invażjoni, qed tesperjenza gwerra fuq it-territorju tagħha u allura l-Ewropa, li tinsab magħquda u tadvoka għal waqfien tal-ġlied u li l-invażjoni Russa tieqaf immedjatament.”
F’din il-laqgħa kien hemm ukoll diskussjoni dwar il-pajjiżi tal-Balkani. Il-Ministru Borg qal li l-Unjoni Ewropea għandha tagħti kas tal-aspirazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi sabiex jissieħbu fiha. Il-Ministru Borg qal li Malta tappoġġja l-aspirazzjonijiet tas-sħubija tal-Albanija u tal-Maċedonja ta’ Fuq.
Il-Ministru Borg għadda wkoll messaġġ sabiex l-Unjoni Ewropea tindirizza l-isfidi tal-pajjiżi tal-Nofsinhar tal-Ewropa, fosthom dik fil-Libja, fejn bħalissa hemm żewġ gvernijiet. Din is-sitwazzjoni qed iġġib inċertezza f’Malta, li huwa l-Istat membru talUnjoni li hua l-eqreb lejn il-Libja.
Qal, “Il-messaġġ tiegħi biex, isma’, ma ninsewx illi għandna sfidi oħrajn. Wieħed jittama li dawn il-messaġġi mhux biss ikunu qed jittieħdu nota tagħhom, imma lkoll flimkien naħdmu fuqhom.”
Intant, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, ukoll jinsab Brussell fejn qiegħed jattendi għal laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tad-Difiża Ewropej. Il-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa bejn ir-Russja u l-Ukrajna qiegħda fuq nett anki tal-aġenda ta’ dan il-Kunsill. Għal din is-sessjoni attendew b’mod virtwali kemm il-Ministru tad-Difiża Ukren, Oleksii Reznikov, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg. Waqt dan il-Kunsill saru diskussjonijiet oħrajn marbuta mal-politika Ewropea tad-difiża u s-sigurtà.