Malta Enterprise se tkompli tippromwovi l-istartups lokali wara li laħqet ftehim ta’ kollaborazzjoni ma’ l-akbar organizzazzjoni dinjija fil-qasam, Startup Genome.
Din l-organizzazjoni, ibbażata fl-Istati Uniti, ta’ kull sena tippubblika r-rapport globali tal-ekosistema tal-iStartup, li janalizza, fost l-oħrajn, il-kwalità ta’ aktar minn 4.5 miljun kumpanija minn madwar id-dinja.
Issa, grazzi għall-Malta Enterprise, kumpaniji f’pajjiżna bdew jiġu inklużi f’dan ir-rapport.
L-organizzazzjoni dinjija nnotat, fost l-oħrajn, inizjattivi bħall-iStartup Festival, l-iskemi finanzjarji għat-tisħiħ ta’ dawn il-kumpaniji u d-dedikazzjoni ta’ pajjiżna biex jippromwovu l-innovazzjoni. Ir-rapport żied juri kif Malta trid tnaqqas il-burokrazija għal dawn il-kumpaniji.
“Minħabba l-pożizzjoni strateġika, l-appoġġ tal-Gvern, u l-approċċ trasparenti lejn il-kummerċ, Malta qed tkompli ssir destinazzjoni attraenti għal startups li qed ifittxu skala f’ambjent kosmopolitana,” tenniet l-organizzazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, żied jgħid li din is-sħubija bejn Malta u Start Up Genome se tara lil Malta tiġi benchmarked ma’ wħud mill-aqwa pajjiżi, filwaqt li qed jistennew bil-ħerqa li aktar start ups jersqu lejn pajjiżna.