Fl-okkażjoni tal-għoxrin sena mit-twaqqif tal-Kordin Business Incubation Centre, Malta Enterprise se tkun qed torganizza Festival għall-Istartups.
Din se tkun qed issir bejn il-Ħamis u s-Sibt f’tinda biswit dan iċ-ċentru f’Kordin.
Dan il-festival se jibda l-Ħamis permezz ta’ ċelebrazzjoni tas-suċċess ta’ dan iċ-ċentru, fejn startups illum il-ġurnata huma kumpaniji stabbiliti.
Imbagħad matul il-Ġimgħa u s-Sibt, f’dan il-festival se jkunu qed isiru sensiela ta’ workshops, li se jgħinu lil startups jew lil dawk li qed jitħajru jiftħu kumpanija.
Ġurnata qabel jibda dan il-festival, ONE News żar l-aħħar tħejjijiet, fejn tkellimna mal-kelliem tal-Malta Enterprise, Anthony David Gatt.
“Opportunità biex mill-ġdid nerġgħu ngħaqqdu startups, anki wara ż-żmien tal-Covid u għaldaqstant din id-darba b’mod fiżiku. Ser ikollna taħlita u għaldaqstant it-titlu ta’ festival, għaliex ser inħalltu diskussjonijiet dwar temi differenti, dwar women in tech, dwar cyber security, dwar artificial intelligence, dwar il-qasam tad-drones u ħafna oħrajn, fosthom dwar kif kumpanija tmexxi minn startup għal scale up.”
Dan il-festival ser joffri opportunità li startups jiltaqgħu ma’ entitajiet governattivi, korpi kostitwiti u anke membri mill-Malta Enterprise biex jifhmu l-iskemi li toffri din l-aġenzija lil dawk li jibdew startup f’pajjiżna.