Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, waqt li kien qed jipparteċipa fil-programm temi fuq ONE Radio, ikkonferma l-impenn tal-Gvern Malti fuq livell Ewropew sabiex il-kwistjoni tal-paċi fil-Libja tibqa’ tingħata prijorità. Huwa semma kif dan Malta qed tagħmlu billi fittxet diġà bosta drabi li tpoġġi fuq l-aġenda tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, l-kwistjoni tas-sitwazzjoni fil-Libja u dak kollu li timplika għall-poplu Libjan u għar-reġjun. Huwa qal li dan juri tal-inqas żewġ affarijiet: li Malta m’għandix il-lussu li tħares lejn in-naħa l-oħra fi kwistjonijiet li jirrigwardaw il-viċinat, u li dan juri kif Malta qed tkun proattiva sabiex l-Unjoni Ewropea tifhem u jkollha pożizzjoni komuni fuq l-għajnuna li għandha tingħata mill-komunità Ewropea lejn proċess ta’ paċi għall-sigurtà u prosperità fil-Libja.
Saħaq kif permezz tar-Rappreżentat Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Għassan Salame, l-istess Ġnus Magħquda qiegħda taħdem sabiex il-komunità internazzjonali jinstab qbil għal sforz kollettiv sabiex tgħin biex is-sitwazzjoni fil-Libja tiġi riżolta. Dan jeħtieġ primarjament l-impenn tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda li ħames membri mill-ħmistax li jiffurmawh huma pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. L-UNSMIL (Missjoni Speċjali tal-Ġnus Magħquda fil-Libja), immexxija mill-istess Ghassan Salame, tinsab impenjata mal-oqsma kollha li kapaci jġibu stabbiltà fil-Libja sabiex tqarribhom iktar lejn xulxin lejn dik li wieħed jittama tkun konferenza ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali, li kellha ssir f’April li għadda, ftit jiem biex wara l-offensiva li wasslet għas-sitwazzjoni tal-lum.
Interessanti wieħed isemmi wkoll li din il-ġimgħa, il-Grupp tas-Seba’ sejjaħ għal konferenza internazzjonali dwar il-Libja, wara l-laqgħa tas-seba’ pajjizi l-iktar ekonomikament żviluppati, fi Biarritz fi Franza. Dan huwa pass importanti li mistenni jikkonsolida iktar u iktar l-impenn tal-komunità internazzjonali dwar il-ħtieġa ta’ soluzzjoni għal Libja.
Għaldaqstant, l-unika mod kif il-paċi tista tinkiseb huwa permezz ta’ impenn politiku u djalogu u mhux militari fejn il-politiċi jpoġġu madwar l-istess mejda. Id-djalogu kien, għadu u jibqa il-tmun li jmexxi tal-politika barranija Maltija.
Il-Ministru Abela qal kif Malta qiegħda tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lil Ġnus Magħquda f’din il-kwistjoni u kif Malta offriet li anke tospita laqgħat ta’ livell għoli f’pajjiżna fuq din il-materja, fejn ikun meħtieġ. Huwa qal kif il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jagħti l-attenzjoni sħiħa tiegħu lis-sitwazzjoni fil-pajjiż ġar tagħna li mhux biss għaddej minn Ġnus Magħminijiet turbolenti ta’ natura politika imma anke ta’ natura ekonomika.