F’konferenza tal-aħbarijiet, Malta, wieħed mill-iżgħar Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, kienet deskritta bħala mudell uniku għall-pajjiżi internazzjonali fejn jidħlu testijiet ta’ smigħ bla ħlas.
Dan qalu Patrick D’Haese, Kordinatur Internazzjonali tal-Hearing Health Forum.
Matul il-konferenza, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li dan iċ-ċertifikat għal pajjiżna fuq livell Ewropew huwa grazzi għall-ħidma pro-attiva tal-proġett pilota ta’ testijiet tas-smigħ bla ħlas li, flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba, ittieħed matul is-sena li għaddiet.
Permezz ta’ erba’ ċentri madwar Malta, il-proġett pilota li tmexxa mill-Assoċjazzjoni Awdjoloġista Maltin, irriżulta li minn 515-il test ta’ smigħ li saru, 41% ta’ dawk li pparteċipaw instab li għandhom impediment fis-smigħ.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ħabbret li wara l-proġett pilota, bl-isem ta’ Hearing Care for All, fix-xhur li ġejjin se titnieda kampanja ta’ għarfien fuq skala nazzjonali biex jiżdied l-għarfien dwar kif nistgħu nipprevenu t-telf tas-smigħ minn età żgħira u nilqgħu għall-esklużjoni soċjali li ġġib magħha din il-kundizzjoni. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li id f’id se jitkompla l-proġett pilota b’aktar testijiet tas-smigħ f’irħula oħrajn.
L-Ewro-Parlamenti u Viċi-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba sostna li permezz tad-data li nġabret fil-proġett pilota li sar fl-aħħar xhur, għall-ewwel darba Malta għandha idea ċara ta’ kif din il-problema qed taffettwa l-ħajja ta’ bosta Maltin.
Dr Agius Saliba qal li bħala President tal-Forum tas-Smigħ tal-Unjoni Ewropea u r-Relatur tal-Parlament Ewropew għar-rapport dwar il-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità jinsab sodisfatt ferm li Malta qed tkun proattiva u tieħu dawn it-tip ta’ inċentivi li permezz tagħhom qed inkomplu nippromwovu s-saħħa tas-smigħ bl-aqwa mod possibbli.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Awdjoloġisti Andrew Sciberras spjega l-importanza ta’ din il-kampnja nazzjonali fejn qal li l-ħidma pro-attiva se tkun qed tħalli riżultati pożittivi fil-futur.