“Pijunier għall-Ewropa fir-riforma dwar il-Kannabis.”
Hekk ġie deskritt pajjiżna mis-sit awtorevoli tal-aħbarijiet The Guardian. Dan fil-kuntest tar-riformi li saru f’pajjiżna b’rabta mal-liġi dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis u li daħlet lura fl-2021.
Dan hekk kif issa l-Ġermanja hija l-aħħar pajjiż li adottat mudell simili għal dak li ġie introdott f’pajjiżna. Fil-fatt, riformi leġislattivi b’rabta mal-użu tal-Kannabis fil-Ġermanja għaddew mill-aħħar stadju fil-Parlament tal-pajjiż.
Dan wara li l-istess riformi għaddew b’maġġoranza b’saħħitha fl-istadju preċedenti
Din il-liġi l-ġdida se tidħol fis-seħħ mill-ewwel ta’ April u se tiddikriminalizza l-pussess sa 25 gramma Kannabis għall-użu personali u 50 gramma ġewwa d-dar. Dan filwaqt li tagħmilha disponibbli li jsiru talbiet biex jitneħħew reati tal-passat b’rabta mal-pussess tal-Kannabis minn fuq il-kondotta.
Il-liġi l-ġdida tillegalizza wkoll it-tkabbir sa tliet pjanti tal-Kannabis għall-użu personali u tħejji qafas regolatorji favur assoċċjazzjonijiet li jistgħu jkabbru u jbiegħu l-Kannabis lill-membri tagħha mingħajr qliegħ.
The Guardian jinnota kif il-Ġermanja għażlet it-triq ta’ riforma simili għal dak li ġie implimentat fir-Repubblika Ċeka u l-Lussemburgu. Kien hawn li l-istess sit jinnota li t-tliet pajjiżi essenzjalment ikkupjaw lil Malta.
Is-sit ikompli jgħid li l-mudell adotattat minn pajjiżna fl-2021 serva ta’ blueprint għal mewġa ġdida ta’ riformi Ewropej.