“Dejjem erfajna r-responsabbiltà umanitarja però pajjiżna f’dan il-mument issa qed jistenna wkoll li pajjiżi oħra ma jibqgħux iħarsu.”
Hekk iddikjara l-Prim Ministru Robert Abela, it-Tlieta filgħaxija waqt il-programm Realtà. Meta mistoqsi dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni li ddominat l-aħbarijiet matul l-aħħar jiem, il-Prim Ministru qal li Malta dejjem assumiet ir-responsabbiltà umanitarja li kellha.
Il-Prim Ministru spjega: “Dejjem erfajna r-responsabbiltà umanitarja ta’ pajjiżna però pajjiżna f’dan il-mument issa qed jistenna wkoll li pajjiżi oħra ma jibqgħux iħarsu u jekk hemm responsabbiltà umanitarja ejja nerfugħha flimkien. Ma jistax ikun li Malta tibqa’ terfa’ piż iktar milli tiflaħ.”
Dwar dan il-Prim Ministru qal li jistenna iktar għajnuna konkreta mill-Unjoni Ewropea.
Malta dejjem refgħet ir-responsabbiltà umanitarja
Dan fid-dawl li bħalissa fuq ix-xtut Libjani hemm madwar 700,000 persuna li lesti jagħmlu t-traġitt lejn Malta jew Lampedusa. B’hekk il-Prim Ministru Abela spjega li l-pożizzjoni ta’ Malta ser tibqa’ waħda b’saħħitha hekk kif anki tgħaddi l-pandemija tal-Coronavirus.
Il-Prim sostna: “Wara li tgħaddi l-pandemija, nittamaw li tgħaddi fi żmien ftit ġimgħat oħra imma hemmek ukoll xorta jibqa’ l-punt li pajjiżna ma jistax jibqa’ jerfa’ l-piż sproporzjonat kif refa’ fl-aħħar snin ta’ immigrazzjoni.”
Il-Prim Mnistru tenna kif din il-pożizzjoni tal-Gvern ma’ ttieħditx fuq bażi razzjali imma fl-interess tas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Intant dwar is-sitwazzjoni ekonomika f’pajjiżna, il-Prim Ministru qal li grazzi għall-pakketti li ntroduċa l-Gvern ġie kkontrollat il-qgħad f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela kompla jispjega: “Ċertifikat tagħtulna l-Kamra tal-Kummerċ. Qaltilna li l-qgħad f’pajjiżna li wieħed kien jistagħna li minħabba din is-sitwazzjoni ikun ta’ portata daqstant minħabba dak il-pakkett finanzjarju li nedejna ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna rnexxielna nikkontjenuha u rnexxielna nikkontjenuha b’suċċess kbir.”
Il-Prim Ministru Abela spjega wkoll kif il-kontroll totali mill-Awtoritajiet fuq l-impatt ta’ din il-pandemija f’pajjiżna huwa grazzi għal-mod proattiv ta’ kif mexa dan il-Gvern.
Huwa qal: “Ma stennejniex il-pandemija tiġi fuqna imma aġixxejna qabel waslet il-pandemija”
Intant il-Prim Ministru spjega li kif mal-mument li d-dinja kollha tgħaddi minn din il-sitwazzjoni, pajjiżna ser jerġa’ jitlaq jiġri bit-tkabbir ekonomiku sabiex inkomplu ma’ dak li esperjenzajna fl-aħħar snin.
Huwa sostna: “Ix-xogħol irid jibqa’ għaddej. Ħa nħarsu ‘l quddiem lejn żvilupp ekonomiku u progress ekonomika daqs kemm kellna qabel u jekk mhux iżjed.”
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif minkejja din is-sitwazzjoni straordinarja f’pajjiżna dan il-Gvern kompla jikkonferma kemm huwa impenjat li jżomm is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Fost oħrajn semma l-qbil storiku bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti.
Il-Prim Ministru temm jappella sabiex il-poplu Malti jibqa’ jiġbed ħabel wieħed ħalli l-pajjiż joħroġ minn dan il-mument ta’ sfida iktar b’saħħtu.