Travel Bulletin, rivista Ingliża ewlenija tal-ivvjaġġar, organizzat serata li tiċċelebra l-kisbiet fl-industrija tat-turiżmu.
Aktar minn 30 premju, maqsuma f’seba’ kategoriji, ġew ippreżentati f’avveniment fiċ-ċentru ta’ Londra, inkluż il-premju Best LGBTQ+ Destination, li ġie ppreżentat lit-tim tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fl-Uffiċċju tar-Renju Unit.
“Mad-dinja kollha, Malta hija rikonoxxuta bħala champion fejn jidħlu drittijiet LGBTIQ+. Il-programm progressiv u liberali li l-Gvern Malti imbarka fuqu għal dawn l-aħħar disa’ snin biddel il-Gżejjer Maltin f’pajjiż li jilqa’ lill-viżitaturi li ġejjin minn kull saffi fis-soċjetà, is-sena kollha,” qal il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
“Ninsabu ħerqana li niċċelebraw din l-istorja ta’ suċċess is-sena d-dieħla, billi nospitaw Europride fil-belt kapitali tagħna l-Belt Valletta f’Settembru 2023,” żied jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Waqt is-serata ntqal li 63% tal-Ingliżi jemmnu li huwa importanti li tagħżel destinazzjoni abbażi tal-aċċettazzjoni tagħha tad-diversità.