Kien iffirmat ftehim li permezz tiegħu f’pajjiżna twaqqaf iċ-ċentru t’eċċellenza għall-istati żgħar membri tal-Commonwealth. L-iffirmar tal-ftehim seħħ fi New York, miIl-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella u s-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Baroness Patricia Scotland quddiem rapreżentanti mill-istati membri tal-Commonwealth.
Biex b’hekk dak li qablu dwaru l-mexxejja meta pajjiżna ospita l-laqgħa tac-Chogm se jibda jseħħ. L-għan taċ-ċentru t’eċċellenza hu li jgħin pajjiżi żgħar jirkupraw minn diżastri naturali, jindirizzaw aħjar id-dejn filwaqt li jiżdied l-involviment tan-nisa.
Kien tlett snin ilu li pajjiżna ressaq din il-proposta u dan fil-laqgħa tac-Chogm li saret fis-Sri Lanka.
Fuq medda ta’ tlett snin, pajjiżna u s-Segretarjat tal-Commonwealth se jkunu qed jikkontribwixxu aktar minn erba’ mitt elf ewro f’dan il-proġett.
Il-Gvern Malti se jkun qed jagħti mitt elf ewro fl-ewwel sena li ċ-ċentru jibda jaħdem filwaqt se jkun qed joffri r-riżorsi umani u faċilitajiet minn fejn jopera. Se jkun ibbażat il-Belt Valletta u se jibda jopera minn Diċembru.
Min-naħa l-oħra s-Segretarjat se jagħti mitt elf sterlina fis-sena fl-ewwel tlett snin. Inizjattiva konkreta li tgħin l-istati żgħar fi ħdan il-Commonwealth. Iċ-ċentru se jkun immexxi minn bord ta’ diretturi u li t-tmun tiegħu se jkun hemm l-Gvern Malti. Se jiffoka fuq l-importanza li tiżdied il-komunikazzjoni bejn il-pajjiżi membri, li jingħata taħriġ fejn għandha x’taqsam diplomażija, governanza tal-oceani u għajnuna lin-nisa biex jidħlu fix-xena.