Matul is-sena l-oħra Malta ġġenerat kważi 190 GWh minn enerġija li tiġġedded li kienet tfisser żieda ta’ kważi 17% meta mqabbel mal-2017. Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li s-sena li għaddiet in-numru ta’ sistemi ta’ pannelli installati fil-Gżejjer Maltin kienu jlaħħqu l-25,000. Kważi 85% f’Malta u 15% tas-sistemi f’Għawdex u f’Kemmuna.
L-NSO qal li s-sena li għaddiet kien hemm żieda ta’ ftit anqas minn 10% fl-installazzjonijiet ta’ sistemi ta’ pannelli, bil-biċċa l-kbira tagħhom isiru fin-Nofsinhar tal-pajjiż. Joħroġ ukoll li kważi 94% tas-sistemi huma installati fuq il-bjut ta’ djar privati bil-kumplament huma installat fuq stabbilimenti kummerċjali jew binjiet pubbliċi bħal skejjel jew sptarijiet.
Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li s-sistemi ta’ pannelli fi djar Maltin ġġenneraw 52% tal-enerġija li tiġġedded waqt li l-kumplament ġiet iġġenerata minn sistemi fuq siti kummerċjali u pubbliċi.
Fi tliet snin Malta rat żieda ta’ kważi 5,000 sistema ta’ pannelli. L-akbar żieda saret fis-settur domestiku bl-ammont jiltaq minn 18,000 fl-2016 għal aktar minn 23,000 s-sena li għaddiet.