Malta ġiet fit-tieni post minn fost sittax-il pajjiż fil-Kampjonat tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Atletika, li fih ipparteċipaw tliet mija u ħamsin atleta u effiċjali minn sbatax-il pajjiż, flimkien mal-kontinġent Malti.
Malta rebħet ukoll numru ta’ medalji; tad-deheb, tal-fidda u tal-bronż.
F’pajjiżna għal dan il-Kampjonat ġew diversi delegati internazzjonali ta’ livell għoli, fosthom il-President tal-European Athletics, Dobromir Karamarinov.
“European Athletics is impressed that we’re here in Malta for the first edition of such a championship, first 2016, now we’re here again. We passed a really difficult and unpredictable challenge during the pandemic but now all the Federation is here preparing for good results.”
Għal Frank Carreras, li huwa l-President tal-Athletics Association of Small States of Europe, dan il-kampjonat huwa t-tieni żjara tiegħu f’Malta u kellu biss kliem ta’ tifħir għat-tisħiħ li sar fil-faċilitajiet sportivi.
“The facilities are fantastic, I mean it’s been newly refurbished, athletes enjoy good facilities. The feedback that I’m getting from the athletes is that this is wonderful, they’re enjoying it and they look forward to the competition.”
Kif irrimarka tajjeb Carreras, il-Kampjonat sar f’faċilitajiet ġodda u mmodernizzati.
Fil-preżent, għaddej ix-xogħol fuq it-tieni fażi ta’ mmodernizzar infrastrutturali tal-grawnd, li qed isir b’investiment ta’ aktar minn tliet miljun ewro ffinanzjati minn SportMalta.
Il-Ministru responsabbli mis-settur sportiv f’pajjiżna, Clifton Grima qal li t-titjib fl-infrastruttura jgħin biex jattira aktar kompetizzjonijiet ta’ livell għoli f’Malta.
“Il-ħidma li qegħdin nagħmlu bħala pajjiż ma’ diversi partners internazzjonali qed tħalli l-frott meta naraw dat-tip t’avvenimenti ġewwa pajjiżna li jġibu pajjiżi minn madwar l-Ewropa jikkompetu hawnhekk ġewwa xtutna, u s-sabiħ ta’ dan kollu huwa li jitfa isem pajjiżna fuq il-mappa internazzjonali.”