Artiklu ppublikat online fil-ġurnal mediku ewlieni, ‘The Lancet’, josserva kif, bejn l-1990 u l-2019, Malta żiedet l-għadd ta’ professjonisti tas-Saħħa b’mod sostanzjali, partikolarment dak tal-infermieri.
Filwaqt li, f’dan il-perjodu, l-għadd ta’ tobba għal kull 100,000 persuna fil-popolazzjoni żdied b’25 fil-mija, id-densità tal-infermiera żdied b’aktar mid-doppju bejn, u l-professjonisti l-oħrajn tas-Saħħa żdiedu saħansitra b’aktar mit-triplu fl-istess perjodu. Fil-fatt, iż-żieda f’dawn iż-żewġ kategoriji tal-aħħar kienet fost l-ogħla rreġistrati fl-Ewropa, ogħla ferm mill-medja taż-żieda fil-pajjiżi Ewropej.
L-analiżi saret minn istitut tar-riċerka rinomat fl-Università ta’ Seattle fl-Istati Uniti tal-Amerika – l-Institute for Health Metrics & Evaluation – li tinkludi l-aktar riċerkaturi ewlenin fid-dinja fil-qasam magħruf bħala Global Burden of Disease.
Tajjeb li wieħed jinnota li, anke jekk jidher li l-medja ta’ ħaddiema tas-Saħħa huwa anqas mill-medja Ewropeja fit-tliet kategoriji, id-distakk naqas sostanzjalment mill-livell li kien fl-1990, speċjalment fil-kategorija tal-infermiera u l-qwiebel, u f’dik tal-professjonisti l-oħra tas-Saħħa.
B’reazzjoni għal dan l-istudju, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, appella liż-żgħażagħ biex jibqgħu jitħajru jieħdu dawn il-professjonijiet nobbli – speċjalment dik tal-infermiera – bħala karriera. Irrimarka li llum għandna l-vantaġġ li hawn diversi faċilitajiet edukattivi li qed jagħtu dan it-taħriġ professjonali.
Studju tal-Institute for Health Metrics and Evaluation @IHME_UW ippubblikat f’@TheLancet juri li #Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ żieda fin-numru ta’ nurses fl-Ewropa: Inkomplu nħeġġu aktar żgħażagħ sabiex jagħżlu karriera fin-#nursing 🇲🇹 pic.twitter.com/97zGTr8AU2
— Chris Fearne (@chrisfearne) May 24, 2022