Fit-tieni nofs tas-sena 2015, Facebook irċieva 46,763 talba għall-informazzjoni minn Gvernijiet minn madwar id-dinja. Żieda ta’ 13%.
L-ammont ta’ kontenut li ġie mwaqqaf jew ristrett tela’ b’iktar minn 35,000, għal ftit iktar minn 55,827. Dan għal Facebook, Messenger, WhatsApp u Instagram.
Bejn Lulju u Diċembru, il-Gvern Malti għamel 151 talba għall-informazzjoni dwar 168 każ – wieħed mill-ogħla rati ta’ talbiet. Minn dawn 72% wasslu għall-għotja ta’ xi tip ta’ informazzjoni.
Fi stqarrija mar-rapport, Facebook emfasizza li ma jipprovdix aċċess faċilment għall-informazzjoni taċ-ċittadini lill-Gvernijiet. Kull talba tiġi skrutinizzata legalment, u jekk ma tkunx f’postha jew ġenerali wisq, Facebook jirrifjuta li jikkopera.
Fost it-talbiet internazzjonali li Facebook irċivew, kien hemm talba minn Franza biex jitwaqqaf ritratt partikolari tal-vittmi tal-attakk f’Pariġi, talba mill-Indja biex jitneħħa ritratt ta’ tifel jgħaddi l-awrina fuq il-bandiera Nazzjonali, u oħrajn, fejn Facebook blokka l-kontenut fil-pajjiż parikolari – imma ma tneħħiex għal kollox hekk kif ma kienx jikser ir-regolamenti tas-sit. F’każi oħra Facebook rat li ma kien hemm l-ebda ksur, u ma ħadet ebda azzjoni.
Ta’ Facebook isostnu li huma konxji li l-forzi tal-ordni għandhom rwol importanti biex iżommu lin-nies tagħhom siguri. Għaldaqstant it-timijiet legali u ta’ sigurtà jaħdmu qatigħ biex iwieġbu għal dawn it-talbiet, fl-istess waqt li jirrispettaw il-privatezza tan-nies.