Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri indirizza l-ftuħ tal-Blockchain Governance World Summit f’Seoul fil-Korea t’Isfel. Dan huwa l-akbar avveniment li jiffoka fuq it-tema tal-blockchain tal-Korea t’Isfel, li ġabar rappreżentanti minn madwar id-dinja sabiex jiddiskutu u jiddefinixxu l-importanza tal-irregolar tat-teknoloġija blockchain fuq livell globali.
Schembri spjega kif Malta kienet proattiva meta ddeċidiet li tħaddan teknoloġiji ġodda kif ukoll il-proċess li seħħ tul is-sena li għaddiet li wassal biex Malta qalgħet l-isem ta’ The Blockchain Island. ‘Bħala Gvern immedjatament irrikonoxxejna l-potenzjal u s-saħħa ta’ din l-industrija tant li permezz ta’ tliet liġijiet li daħlu fis-seħħ, qed inwittu l-bażi biex nippermettu li din l-industrija tikber u negozji jiffjorixxu fl-ekosistema b’saħħitha tagħha. Konxji li dan hu qasam kompletament ġdid, għalhekk kien importanti li nfasslu linji gwida u kriterji neċessarji fl-aqwa interess tal-investituri, operaturi, u konsumaturi, u fl-istess waqt nimmiraw li nipproteġu u nsaħħu l-kredibilità, is-serjetà, u r-reputazzjoni tal-ġurisdizzjoni Maltija’, qal Schembri.
Schembri spjega li l-2019 timmarka l-bidu ta’ avveniment stroriku. Issa li l-awtoritajiet, l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, u l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji qed jirċievu applikazzjonijiet minn operaturi li jixtiequ liċenzja għall-operat, qed ikun previst li fit-tieni kwart ta’ din is-sena tinħareġ l-ewwel liċenzja.
Huwa żied li dak li Malta rnexxielha twettaq fi żmien daqstant qasir qiegħed issa jservi ta’ eżempju għall-pajjiżi li għad iridu jesploraw din l-industrija emerġenti. Hawn Schembri rrefera għall-MED 7 Blockchain Declaration li kienet iffirmata mill-pajjiżi magħrufa bħala MED &, inizjattiva li tmexxiet minn Malta u li ġiet milqugħa minn Spanja, Franza, Italja, il-Portugall, Greċja, u Ċipru, li permezz tagħha s-seba’ pajjiżi se jkunu qed jaqsmu flimkien informazzjoni dwar dan is-settur.
Schembri spjega li l-viżjoni tal-Gvern Malti ma’ tiqafx biss mat-teknoloġija DLT, tant li qed tħares lejn niċeċ ekonomiċi ġodda bħal dak tal-intelliġenza artifiċjali permezz tax-xogħol li qed isir mit-Taskforce Malta.AI u s-settur tal-esports, liema strateġija se tkun mnedija dalwaqt.
Finalment, Schembri stieden lil dawk preżenti għat-tieni edizzjoni ta’ DELTA Summit, l-avveniment uffiċjali tal-Gvern Malti dwar innovazzjoni diġitali li se jsir bejn it-2 u l-4 ta’ Ottubru, summit li se jkompli jikber biex isir l-aqwa avveniment tat-teknoloġija fl-Ewropa.
Tul iż-żjara f’Seoul fil-Korea t’Isfel, is-Segretarju Parlamentari Schembri kellu laqgħat mad-Deputat Ministru għax-Xjenza u ICT Won Ki, is-Sindku ta’ Seoul Park Won Soon, li jirrapreżenta 25% tal-popolazzjoni tal-Korea t’Isfel, u ma’ għadd t’investituri interessati li jinvestu f’Malta.