Wara li din il-ġimgħa għaddejna mit-tielet Eżami Perjodiku Universali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Malta, pajjiżna kompla bil-mewġa ta’ progress li kien irreġistrat sa mill-ewwel ċiklu ta’ dan il-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2009. Proċess miftuħ u volontarju li jseħħ kull ħames snin, u li permezz tiegħu kull Stat Membru ta’ din l-għola forum internazzjonali jista’ jiskrutinja s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż taħt l-eżami u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet jew il-kritika tiegħu.
Fl-istess waqt li l-iskrutinju fuq kull pajjiż żdied paripassu mat-tkabbir tal-imsemmi proċess tan-Nazzjonijiet Uniti, pajjiżna kompla jsaħħaħ ir-reputazzjoni internazzjonali tiegħu bħala Stat b’qafas regolatorju b’saħħtu u li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.
Dan jirriżulta mill-fatti.
Pajjiżna waqt l-ewwel ċiklu tal-2009 kien aċċetta biss 37% mis-46 rakkommandazzjoni li rċieva. Fit-tieni ċiklu lejn tmiem l-2013, wara bidla fil-Gvern, pajjiżna laqa’ 54% mill-134 rakkommandazzjoni sottomessa. B’konsistenza, fl-aħħar ċiklu li għadu kif intemm, pajjiżna laqa’ 72% tal-156 rakkommandazzjoni li rċieva, waqt li l-progress sostanzjali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem f’Malta kien mfaħħar globalment.
Fil-fatt, ir-riżultat ta’ Malta huwa fost l-aqwa mill-pajjiżi kollha tan-Nazzjonijiet Uniti, u dan jista’ jitjieb hekk kif pajjiżna għadu biċ-ċans li jwieġeb għal 38 rakkommandazzjoni li r-risposta għalihom għadha pendenti sa Marzu 2019.
Dan kollu jirriżulta minn bidla fid-direzzjoni li wasslet għal bidla fil-mentalità. Minn Gvern magħluq għal wieħed miftuħ. Minn stat konservattiv, għal wieħed progressiv. Minn poplu beżgħan għal poplu li jħaddan id-diversità. Minn Malta taċ-ċensura, għal Malta tal-libertà tal-espressjoni. Iżda dan kollu huwa l-punt tat-tluq, u mhux tal-wasla.
Tant li waqt l-aħħar Eżami Perjodiku Universali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Gvern tenna l-impenn tiegħu li jkompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-bniedem, primarjament bit-twaqqif t’istituzzjoni nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, skont il-prinċipji ta’ Pariġi. Il-Gvern impennja ruħu biex jindirizza fost rakkommandazzjonijiet li laqa’, fosthom li jaħdem aktar fil-viċin mas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra r-razziżmu, l-mibgħeda, l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u t-traffikar tal-bnedmin.
Dan kollu waqt li l-Gvern se jkompli jaħdem biex isaħħaħ il-libertà tal-espressjoni u jżid l-effiċjenza tal-Qrati, bil-mira li jkompli jtejjeb il-pożizzjoni f’dan l-aktar qasam importanti tal-amministrazzjoni pubblika.