Wara li lbieraħ pajjiżna ssottometta talba quddiem il-Kummissjoni Ewropea sabiex jaġġorna l-pjan tiegħu ta’ Rkupru u Reżiljenza bil-għan li jiżdied kapitlu bl-isem REPowerEU l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett tkellmu aktar dwar din il-kwistjoni.
L-investiment propost, li jammonta għal madwar €70 miljun jirrigwarda l-aġġornament u l-espansjoni tal-grid tal-elettriku; li jinkludi wkoll ħażna f’batteriji. Dan jista’ jwassal għal żieda sinifikanti fil-kapaċità ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli f’pajjiżna u l-ħażna ta’ tali enerġija tfisser li tkun tista’ tiġi użata f’sigħat fejn il-konsum tal-enerġija ma jkunx daqstant għoli.
Ir-riformi proposti jikkumplimentaw oħrajn fosthom ħidmet il-gvern biex tiżdied l-effiċjenza fl-għoti ta’ permessi għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll l-introduzzjoni ta’ obbligu li jiġu installati pannelli solari fuq il-bjut u fuq bini ġdid
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri qal li l-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza qiegħed ikun ta’ għajnuna għan-negozji biex jagħmlu l-qalba diġitali, jinvestu f’tagħmir u apparat modern u jsiru proġetti b’enerġija effiċjenti. “L-għan tagħna huwa li nibqgħu għaddejjin u nwettqu aktar proġetti b’rispett sħiħ lejn l-ambjent ta’ madwarna,” saħaq il-Ministru Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett spjega kif il-Kummissjoni Ewropea għandha xahrejn sabiex tagħmel l-verifiki tevalwa t-talba ta’ Malta. “Il-ħsieb tagħna hu li mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza nwettqu proġetti oħrajn favur l-enerġija u l-ambjent, elementi importanti f’dan il-programm deskritt anki mill-Kummissjoni Ewropea bħala l-aktar wieħed ambjentali ppreżentat minn fost l-Istati Membri,” qal is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett.