Ċifri dwar il-finanzi tal-Gvern juru li bejn Lulju u Settembru li għadda, il-Gvern kellu surplus ta’ kważi €128 miljun.
L-NSO żied jgħid li matul dan il-perjodu, id-dħul tal-Gvern kien ta’ €1,234 miljun, żieda ta’ €75.3 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2017.
Joħroġ ukoll li fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, id-dħul tal-Gvern żdied b’€285 miljun. Dan minħabba żieda fid-dħul mit-taxxa. Min-naħa l-oħra ġie rreġistrat tnaqqis mid-dħul tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment u għotjiet.
Iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li n-nefqa pubblika żdiedet b’mitejn u tnejn u għoxrin miljun.
Parti minn din iż-żieda kienet dovuta għal transazzjoni li biha l-Gvern saħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-Air Malta. Barra minn hekk, kien hemm żieda fin-nefqa fuq il-benefiċċji soċjali u titjib fil-pagi tal-ħaddiema tas-settur pubbliku.
Miċ-ċifri joħroġ ukoll li sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, id-dejn tal-Gvern naqas bi kważi €326 miljun.
Joħroġ ukoll li l-garanziji tal-Gvern fuq id-dejn naqsu b’aktar minn €338 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Flimkien tnaqqis ta’ €664 miljun, li jfisser l-akbar tnaqqis fl-obbligi tal-Gvern li qatt ġie osservat fl-istorja ta’ pajjiżna.
B’rezzjoni, il-Gvern qal li permezz tal-qagħda tajba tal-finanzi tal-Gvern, qed jitwettaq programm ta’ tnaqqis fit-taxxi, benefiċċji aħjar u l-akbar nefqa kapitali fl-istorja ta’ pajjiżna.
Qal li din l-amministrazzjoni se tkun l-ewwel waħda li se tnaqqas il-piż tad-dejn pubbliku u l-garanziji tal-Gvern, pass importanti biex tinbenda Malta ta’ għada.
In the first nine months of 2018, Government achieved a surplus of €241 million, €35 million more than previous year. Another fiscal record which explains why public debt and guarantees fell by a combined €664 million -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) January 18, 2019