Għall-ewwel darba f’perjodu ta’ 16-il sena, Malta rnexxielha taqbeż il-medja Ewropea ta’ persuni fis-suq tax-xogħol.
Dan joħroġ minn ċifri tal-Eurostat dwar ix-xogħol diċenti u t-tkabbir ekonomiku li juru li għall-ewwel darba sa mill-2001, il-persuni fis-suq tax-xogħol f’Malta li kellhom bejn l-20 u l-64 sena qabżu l-medja tal-Unjoni Ewropea.
Ir-rata f’Malta fl-2017 kienet ta’ 73% waqt li l-medja Ewropea kienet ta’ 72.2%. L-istatistika li tiffoka fuq il-progress li għamlu l-pajjiżi Ewropea dwar it-tkabbir ekonomiku, iż-żieda fl-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ xogħol diċenti bejn l-2001 u l-2017.
L-istatistika turi li fl-aħħar ħames snin Malta għamlet qabżiet kbar f’dawn it-tliet oqsma tant li qabżet pajjiżi bħala Belġju, Franza, Italja , Lussemburgu u l-Polonja fost oħrajn.
Analiżi taċ-ċifri ppubblikati mill-Eurostat juru li s-suq tax-xogħol f’Malta kiber b’aktar mid-doppju tal-medja Ewropea. Fil-fatt waqt li l-ħaddiema fis-suq tax-xogħol f’Malta bejn l-2012 u l-2017 żdiedu b’aktar minn 9%, il-medja fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ 3.8%.
L-istatistika tal-Eurostat turi wkoll li s-sena li għaddiet ir-rata f’Malta ta’ persuni li jistgħu jaħdmu u damu aktar minn sena bla impjieg kienet biss ta’ 1.6 %, li hija aktar min-nofs tal-medja tal-Unjoni Ewropea.
Iċ-ċifri juru li r-rata f’Malta matul is-sena li għaddiet kienet l-inqas waħda rreġistrata f’dawn l-aħħar 12-il sena.
L-istatistika turi wkoll li bi tkabbir ekonomiku fl-aħħar snin, il-prodott domestiku gross ras għal ras tela’ b’rata ferm aktar mgħaġġla mill-medja Ewropea.
Fil-fatt waqt li bejn l-2012 u l-2017, ir-rata żdiedet b’€2,000, jew b’7.8%, f’Malta żdiedet b’€4,000,jew b’24.3%. Biex b’hekk kompliet tonqos b’rata aktar mgħaġġla d-differenza bejn id-dħul medju tal-Maltin u l-Ewropej.