Il-Ħadd filgħodu l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sebaħ man-nies fir-Rabat, f’attività politika bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’.
Wara li ltaqa’ u tkellem mal-folla ta’ nies li nġabret quddiem iċ-Ċentru Laburista ta’ din il-lokalità, huwa wassal messaġġ pożittiv ta’ partit fil-Gvern li se jibqa’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Il-Prim Ministru beda d-diskors tiegħu billi b’mod ċar qal li huwa jmexxi Gvern li għandu qalbu man-nies, fejn jismagħhom u wara jaġixxi fuq dak li jkunu kelmuh dwaru.
Dan jista’ jibqa’ jsir jekk in-nies għal darb’oħra jerġgħu jagħtu l-fiduċja lill-Partit Laburista biex il-futur ikun sabiħ u minnu jgawdi kulħadd.
“L-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju se jiffurmaw il-futur tal-lokalità tagħna, se jiffurmaw il-futur tal-Ewropa, se jiffurmaw il-futur ta’ pajjiżna.”
Hekk kif fl-aħħar jiem reġgħu tfaċċaw l-uċuħ tal-passat fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, fosthom Lawrence Gonzi u Simon Busuttil, il-Prim Ministru qal li dawn moħħhom biex inessu, jirkbu s-siġġu tal-poter u jreġġgħu l-arloġġ lura.
“Jaħsbu li l-poplu nesa l-kontijiet għolja tad-dawl u l-ilma jaħsbu li l-poplu nesa l-ogħla rata ta’ qgħad li kellu pajjiżna fi żmienhom. Jaħsbu li l-poplu nesa li pajjiżna kien jiġġenera l-enerġija minn sorsi maħmuġa ta’ fjuwils. Dawk kienu r-realtajiet ta’ żmienhom.”
Dan b’differenza għal Gvern Laburista li fi sfond ta’ kriżi internazzjonali, dejjem kien hemm man-nies u għan-nies.
“Tajna l-istabbiltà fl-enerġija, tajna stabbiltà fil-fjuwils, dik l-istabbiltà żammejnija u se nkomplu nżommuha.”
Robert Abela qal kif Partit Laburista fil-Gvern dejjem għaddej b’ħidma sabiex jibqa’ joħloq il-ġid li minnu jgawdu l-Maltin u l-Għawdxin kollha.
“Ġid li jilħaq lill-ġenituri billi nsaħħulhom iċ-Children’s allowance, ġid li jilħaq lill-pensjonanti kollha tagħna biex insaħħulhom il-pensjonijiet, ġid li jilħaq liż-żgħażagħ biex nagħtuhom aktar opportunitajiet u ninvestu fl-edukazzjoni tagħhom.”
Il-Prim Ministru, anke fil-preżenza tal-kandidati Laburisti għall-Parlament Ewropew u wħud tal-Kunsilli Lokali, temm b’messaġġ ċar li rridu nibagħtu fit-tmienja ta’ Ġunju.
“Erġgħu isilfuna l-fiduċja tagħkom, ejja ħalli flimkien nibqgħu nwettqu l-programm ta’ riformi, progressiv għall-ġid ta’ pajjiżna, ta’ kulll wieħed u waħda minnkom, għall-ġid taż-żgħażagħ, il-ħaddiema, in-negozji, pensjonanti, ta’ Għawdex u Malta tagħna, li aħna tant inħobbu. Flimkien inkomplu nsaħħu Malta tagħna.”