“Minkejja li s-suċċessi tal-aħħar 5 snin jaħdmu kontrik, mhux ħa nħallu dawn l-affarijiet jaqtgħulna qalbna biex inġibu l-aqwa pakkett għal pajjiżna.”
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt kollegament telefoniku fuq One Radio, il-Ħadd filgħodu b’referenza għan-negozjati intensivi li għaddejin bħalissa fi Brussell b’rabta mal-baġit ewropew għas-7 snin li ġejjin u l-fond ta’ rkupru mill-pandemija msemmi “Next Generation EU.”
Żewġ pakketti li flimkien ilaħħqu kważi 2 triljun ewro.
Waqt l-intervista l-Prim Ministru aċċenna għall-pożizzjoni ta’ pajjiżna f’dawn in-negozjati.
Spjega li l-għaqal ekonomiku u soċjali ta’ Gvern Laburista fl-aħħar snin mhux se jxxekkel allokazzjoni ġusta għal pajjiżna.
Semma kif it-tnaqqis fil-qgħad f’Malta fl-aħħar snin u l-irkupru ekonomiku malajr li se jkollha mill-effetti tal-pandemija, jistgħu jaħdmu kontra n-negozjati Maltin.
Minkejja dan, il-pożizzjoni ta’ Malta hija waħda ċara u soda.
Il-Prim Ministru stqarr, “Mhux se naċċettaw il-punt li niġu ppenaliżżati għall-għaqal u s-suċċess tagħna u dak huwa punt li żgur mhux se nċedih għaliex l-ewwel nett nara li huwa ironiku kif inti pajjiż ma tippremjaħx talli huwa bieżel, talli għandu s-suċċess u talli jaħdem kemm jiflaħ biex iżomm il-qgħad baxx u hemmek fejn hija ffukata l-ġlieda tagħna.”
Il-Prim Ministru spjega li kien hu stess li qajjem dan il-punt fil-Plenarja u miegħu rrakkomanda kriterji differenti ta’ allokazzjoni u li qablu magħhom diversi pajjiżi ewropej.
Dr Abela sostna, “Mhux biss qajjimt dawn il-punti imma jidher li ġew meħuda b’interess ukoll. Kien ukoll umbgħad numru ta’ pajjiżi oħra li qabdu l-istess linja li qajjimna aħna bħala pajjiż u jien qed ngħidu, għaliex aħna għandna niġu penaliżżati talli konnha bilgħaqal u ħdimna kemm flaħna biex żammejna l-qgħad baxx.”
Il-Prim Ministru spjega kif id-diskussjonijiet tas-Sibt filgħaxija, li baqgħu sejrin saħansittra sa nofs il-lejl, daru mal-kwistjoni tas-saltna tad-dritt bħala waħda mill-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom il-fondi jkunu jistgħu jingħataw għal numru ta’ proġetti.
Fil-fatt dwar dan il-punt il-Prim Ministru rrimarka ir-reazzjonijiet pożittivi li rċeviet Malta fi Brussell fl-aħħar 3 ijiem.
Reazzjonijiet li jikkumplimentaw l-ittra personalizzata li bagħtitlu l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola Von der Leyen, tirrimarka b’sodisfazzjoni ir-riformi li qed jimplimenta pajjiżna abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.
“Meta inti titkellem mad-diversi mexxejja tal-pajjiżi l-oħrajn, mal-President tal-Kummissjoni, mal-President tal-Kunsill tara li r-rispett lejn pajjiżna dejjem qiegħed tiela ‘l fuq.” Stqarr il-Prim Ministru.
Dr Abela sostna li frott il-ħidma sfieqa li wettaq Gvern Laburista fl-aħħar xhur favur is-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba, pajjiżna huwa f’pożizzjoni ferm aħjar sabiex jinnegozja għal ftehim ġust.
“Tara li huma rrikonoxxew il-ħidma kbira li għamilna f’dan il-qasam li issa huwa tant kruċjali meta qed niġu biex ninnegozjaw partikolarment il-fond ta’ rkupru jiġifieri iva l-ħidma mhux biss qed tissarraf fuq livell lokali imma qed tħalli ħafna u ħafna frott fuq livell internazzjonali.” Temm jgħid il-Prim Ministru Malti.