Madwar 40 uffiċjali minn bosta istituzzjonijiet fosthom l-Aġenzija Maltija Kontra l-Ħasil tal-Flus l-FIAU, il-Pulizija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qegħdin jieħdu sehem f’taħriġ speċjalizzat organizzat mid-Dipartiment tat-Taxxa tal-Gvern Amerikan l-IRS biex isaħħu l-għarfien tagħhom dwar investigazzjonijiet b’rabta ma’ attivitajiet finanzjarji illegali.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal bis-saħħa ta’ dan it-taħriġ li qed jingħata minn esperti Amerikani, Malta se tkun f’qagħda li tindirizza b’mod aħjar materji li għandhom x’jaqsmu mal-ħasil tal-flus u l-kriminalità finanzjarja.
“Aħna qegħdin ngħidu li ser insaħħu s-sistema tagħna biex il-kriminalità mill-ħasil tal-flus ma jkollhiex is-suċċessi u aħna nkunu l-pass ’il quddiem mill-kriminal innifsu. U dan trid li mhux biss issaħħaħ l-istituzzjonijiet imma aktar minn hekk hija li inti jkollok il-kapaċitajiet tal-uffiċjali u m’hemmx isbaħ li titgħallem minn pajjiżi oħra ikbar minnek li għaddew minnhom u li għandhom problemi ikbar minn ta’ pajjizna”, qal il-Ministru Scicluna.
Il-Ministru Scicluna qal li Malta għamel progress kbir biex timplimenta l-ħames direttiva Ewropea kontra l-ħasil tal-flus li daħlet obbligi ġodda fuq il-pajjiżi Ewropea.
Saħaq li Malta dejjem għamlet il-parti tagħha biex tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-kriminalita’ finanzjarja.
Min-naħa tiegħu, ic-Chargé d’Affaires mill-Ambaxxata Amerikana f’Malta, Mark Schapiro qal li l-probelma tal-ħasil tal-flus taffetta lil kulħadd. Huwa żied jgħid li hemm ħafna affarijiet dwar il-ħasil tal-flus li ma narawhx. Sostna li Malta għandha r-rieda politika li tiġġieled dan ir-reat u li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Moneyval.
“Why is Malta unique, it’s because with great success come great challenges. Malta’s booming economy, the hottest in the EU, hottest in the Mediterranean region will attract the good but it will also attract money launderers and opportunists. with partners like minister Scicluna and his team and money others here we see serious political will to get at these challenges and rise to the occasion, qal is-Sur Schapiro.
Sostna li ebda entitá waħdiha ma tista’ tiġġieled il-kriminalitá finanzjarja u sostna li se jagħmlu dak kollu possibbli biex jgħinu fl-isforzi li qiegħda tagħmel Malta kontra l-ħasil tal-flus u li l-ġlieda kontra l-iffinanzjarj tat-terroriżmu.