Pajjiżna rreġistra rekord ta’ skart organiku, li ġie sseparat, u ddaħħal għand il-WasteServ biex ikun jista’ jiġi pproċessat. Dan hekk kif s’issa kien hemm żieda ta’ 35% fuq is-sena l-oħra.
Il-ġurnal L-Orizzont irrapporta kif il-WasteServ spjegat li l-iskart organiku tal-borża l-bajda jidħol kollu f’impjant apposta u dan jiġi kkonvertit f’enerġija ħadra u rinnovabbli.
Kelliema għall-aġenzija spjegat li, meta jiddaħħal skart organiku li jkun jikkonsisti biss fi frott u ħaxix, dan jiġi proċessat fil-komposter li għandha l-WasteServ f’Ta’ Qali, b’arranġament mal-bdiewa, biex isir kompost u jerġa’ jingħata lill-bdiewa għar-raba tagħhom.
Madankollu, hemm ammont ta’ skart organiku li għadu jintefa’ fil-borza s-sewda u, minkejja li l-Wasteserv għandha sistemi fis-seħħ biex tieħu dak kollu li tista’ minn dan l-iskart imħallat, s’issa dan l-iskart fil-boroż suwed xorta għadu jispiċċa fil-miżbliet.
Meta l-iskart ma jitħallatx, jista’ jinbidel f’riżorsa, iżda meta l-iskart jintrema f’miżbla, jintilef għal dejjem.
Il-WasteServ sostniet li kulħadd għandu jagħti sehmu biex ma biex ma jħallatx skart, li jista’ jiġi sseperat u jiddawwar f’riżorsa.
Intqal li biex tkompli tinkoraġġixxi lil dawk li jiġġeneraw l-iskart ħalli l-materjal, li jinġieb fil-faċilitajiet, jasal isseparat u mhux imħallat, il-WasteServ introduċiet gate fees ġodda li jintalbu għal kull tunellata ta’ skart, biex dak li jasal isseparat ikun orħos minn dak imħallat.