Ir-rata tal-inflazzjoni ta’ Malta x-xahar li għadda kienet 2.9 fil-mija aktar baxxa mir-rata medja tal-Unjoni Ewropea u 1.5 fil-mija aktar baxxa minn dik taż-Żona tal-Ewro.
Ċifri ppubblikati mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, l-Eurostat, juru li r-rata annwali tal-inflazzjoni ta’ pajjiżna fi Frar kienet 7 fil-mija, li hija iktar baxxa minn dik ta’ 21 mis-26 pajjiż ieħor tal-UE.
L-Istat membru bl-ogħla żieda fir-rata annwali tal-inflazzjoni fi Frar kien l-Ungerija, b’25.8 fil-mija – rata li hija 18.8 fil-mija ogħla minn dik ta’ Malta. Wara, fil-lista tal-ogħla żieda fl-inflazzjoni hemm il-Latvija, b’20.1 fil-mija, iċ-Ċekja, bi 18.4 fil-mija.
F’Malta, il-Gvern qed ikompli għaddej b’miżuri biex jilqa’ għall-pressjoni internazzjonali fuq il-prezzijiet tal-enerġija, tal-fjuwils, u tal-qmugħ billi jinvesti l-miljuni biex iżomm il-prezzijiet tagħhom stabbli għan-nies u għan-negozji. B’hekk, qed jassigura li, safejn jista’ jintervjeni l-Istat, jittaffa l-piż maħluq minn din il-kriżi fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel ikkaġunata mill-gwerra fl-Ukrajna.
L-istabbiltà u ċ-ċertezza li ġabu d-deċiżjonijiet f’waqthom tal-Gvern biex ikun ta’ sostenn wassal biex, filwaqt li pajjiżi oħrajn b’ekonomiji ferm ikbar minn ta’ Malta niżlu għarkupptejhom, pajjiżna irnexxilu jibqa’ jikber ekonomikament.