Skond stimi tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, id-WHO u l-UNICEF, 95 fil-mija tat-tfal f’pajjiżna jingħataw it-tilqim meħtieġ kontra l-ħosba li tista’ twassal għal mard fatali.
Dan jikkontrasta ma’ bosta pajjiżi Ewropew li qed iħabbtu wiċċhom ma’ epidemija ta’ ħosba.
Dan hekk kif fl-aħħar tliet snin, għadd ta’ pajjiżi ewropej intlaqtu minn epidemija tant li tletin pajjiż irrapportaw aktar minn 44 elf każ bejn Jannar ta’ tliet snin ilu u l-aħħar ta’ Marzu li għadda.
Din is-sena biss , sa April li għadda, ġew irrapportati aktar minn sitt elf u mitejn każ fi Franza, l-Italja, il-Bulgarija, il-Litwanja u l-Polonja.
Min-naħa l-oħra, waqt li s-sena li għaddiet il-każijiet f’Malta kont tgħoddhom fuq ponot subgħajk, sitt każijiet, matul din is-sena diġà ġew irrapportati tletin każ b’sitta minnhom importati minn barra/
Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li 96 fil-mija tat-tfal Maltin ħadu l-ewwel doża tat-tilqima tal-MMR li tipproteġi kontra mard sejru fosthom dik tal-ħosba. Fl-istess waqt 95 fil-mija oħra ħadu t-tieni doża.
Qal li din ir-rata hija tajba ħafna, iżda ħeġġeġ aktar ġenituri biex ilaqqmu lil uliedhom biex jassiguraw li wliedhom jitlaqqmu kontra mard serju/
Spjega li l-problema ewlenija f’Malta ġejja minn grupp ta’ adulti li ma ngħatawx it-tilqim fi ċkunithom/ Qal li dan qed jiġi rifless f’każijiet li qed jiġru f’Malta u li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma adulti. Sostna li dawn il-każijiet ta’ persuni mhux imlaqqmu jistgħu jwasslu għal tifqiegħa qattiela.
L-awtoritajiet tas-saħħa appellaw ukoll biex adulti li twieldu wara l-1970 u li ma ħadux iż-żewġ dożi tal-MMR jagħmlu kuntatt mat-tabib tagħhom.
Sostna li matul is-sajf, jiżdied ir-riskju li persuna tiltaqa’ ma’ każ ta’ ħosba u għalhekk huwa essenzjali li l-persuna tassigura ruħha li tlaqqmet biż-żewġ dożi tal-MMR li tagħti livell għoli ta’ protezzjoni.