Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera kien wieħed mill-kelliema waqt summit f’Ateni bl-isem, ‘The Second Sustainability Summit for South-East Europe and the Mediterranean’ organizzat minn The Economist. Il-Ministru Herrera pparteċipa ma’ mistiedna oħra distinti f’diskussjoni dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli u partikolarment fuq l-isfidi li ġejjin mill-migrazzjoni globali inkluż is-sigurtà fl-Ewropa.
Il-Ministru Herrera sostna li qed ngħixu f’era ta’ mobbiltà umana bla preċedent, fejn aktar nies qed jemigraw minn qatt qabel. Huwa saħaq li għalkemm il-migrazzjoni tista’ toħloq tħassib fuq livell lokali u saħansitra twassal għal tentattivi biex jinstabu soluzzjonijiet fuq livell lokali, fil-verità din il-problema hija waħda ta’ natura globali. Kif saħaq il-Prim Ministru l-ġimgħa li għaddiet waqt it-73 Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda fi New York – “l-ebda nazzjon ma jista’ jittratta dan il-fenominu globali waħdu”.Dr Herrera saħaq li l-migrazzjoni mhijiex xi ħaġa intrinsikament “tajba” jew “ħażina”, iżda bħala fenomenu dan jista’ jħalli impatt fuq l-iżvilupp sostenibbli. Skont il-Bank Dinji, il-migrazzjoni internazzjonali tgħin biex iżżid il-PDG dinji, għaliex tippermetti lill-ħaddiema jersqu lejn fejn huma l-aktar produttivi. Madankollu, il-kwistjoni tal-migrazzjoni tmur lill hinn mir-rota ekonomika u tolqot ukoll l-isfera soċjali u kulturali.
Il-Ministru sostna li quddiem dan il-fenomenu migratorju, minkejja d-diffikultajiet ta’ pajjiżna stess, l-infrastruttura limitata u l-beżgħat fuq livell ta’ sigurtà, Malta dejjem żammet il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, d-dinjità u s-solidarjetà sabiex tgħin lil dawn in-nies. Huwa stqarr li sabiex jintlaħqu l-miri tal-iżvilupp sostenibbli hemm il-ħtieġa li fuq livell globali jkun hemm struttura ta’ governanza komuni sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-migranti, jiġi protett l-interess tagħhom u jiġi massimizzat il-kontribut potenzjali tagħhom għall-ekonomiji lokali, filwaqt li jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu integrati fin-normi u l-kulturi tal-pajjiż.
Il-Ministru José Herrera kkonluda li l-migrazzjoni m’għandiex titqies bħala problema li għandha tissolva iżda bħala realta’ li għandha tiġi mmaniġġjata. Saħaq li hemm bżonn ta’ standards globali u koperazzjoni internazzjonali, għaliex pajjiż waħdu ma jistax jimmaniġġja l-fenominu tal-migrazzjoni waħdu. “Flimkien u kolletivament nistgħu nagħmlu d-dinja aktar ġusta, prosperu u sigura għal kulħadd”, sostna l-Ministru Herrera.
Ritratti: MESDC