Il-Kamra tal-Kummerċ Maltija se tkun waħda minn żewġ rappreżentanti ta’ pajjiżna fil-Premju Ewropew għal Appoġġ lill-Intrapriża fil-Finlandja iktar tard din is-sena. Bil-proġett National Campaign to Promote Employment Opportunities in the Manufacturing Sector, li beda mill-inizzjattiva MAKE IT aktar kmieni din is-sena, il-Kamra tal-Kummerċ bdiet iżżur skejjel u kulleġġi differenti madwar Malta biex tippromwovi l-karrieri differenti li wieħed jista’ jsegwi fis-settur tal-manifattura. Settur li għalkemm huwa fost l-eqdem, huwa fost l-aktar swieq dinamiċi u mutur ewlieni tal-ekonomija Maltija.
Andrè Fenech, Policy Development Manager fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, spjega li din riedet twassal l-esperjenza tagħha fl-industrija lill-iskejjel. B’hekk il-Kamra organizzat programmi ta’ xogħol għal bosta studenti u skemi ta’ work exposure fl-iskejjel sekondarji. Dan apparti filmati li saru minn persuni midħla tas-settur biex jgħaddu l-esperjenzi tagħhom lill-istudenti.
Fenech spjega wkoll li din kapaċi tħalli impatt fuq skala internazzjonali jekk pajjiż ieħor iħoss li din tista’ tkun ta’ suċċess. Dan huwa partikolarment importanti hekk kif is-settur tal-manifattura issa qed jitwaħħad ma’ dak tax-xjenza u t-teknoloġija, meqjus bħala ‘is-settur tal-futur’.
Iżda ħiddmet il-Kamra f’dan ir-rigward mhux se tintemm bil-preżentazzjoni fil-Finlandja. Fenech fakkar li l-Kamra se tibqa’ toħroġ b’inizjattivi ta’ dan it-tip biex jedukaw lill-pubbliku dwar l-opportunitajiet li joffri s-settur tal-manifattura.
L-inizjattiva tal-Kamra tal-Kummerċ hija waħda minn żewġ rebbieħa tal-Premju Nazzjonali għall-Appoġġ lill-Intrapriża li saru l-Ġimgħa fil-preżenza tal-Ministru Chris Cardona. Din se tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Premju Ewropew għall-Appoġġ lill-Intrapriża fil-Finlandja, li se jsiru aktar tard din is-sena, flimkien mal-Malta Employers’ Association bil-proġett The Online Toolbox for Business Entrepreneurs.
Il-Ministru Chris Cardona spjega kif mill-bidu nett, dan il-gvern ħadem sabiex itejjeb l-ambjent li joperaw fih in-negozji, partikolarment in-negozji żgħar u medji, li jiffurmaw is-sinsla tas-settur kummerċjali f’pajjiżna.