Kien propju fl-aħħar Kunsill tal-Ministri Ewropej fil-Lussemburgu u wara permezz ta’ numru ta laqgħat bilaterali fi Brussel li s-Segretarju Parlamentari għal Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia għamel il-pożizzjoni ta’ Malta ċara hekk kif qed ikomplu n-negozjati għal baġit Ewropew għas-sebgħa snin li ġejjin bejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Ikunu mbad il-Kapijiet tal-Istati permezz ta’ summit li jiffinalizzaw il-ftehim, liema ftehim mhux mistenni jintlahaq sa l-aħħar tas-sena. Fil-Lussemburgu u Brussel, Farrugia jelenka ħames linji ħomor għall-Gvern Malti
Il-linji ħomor għas-Segretarju Parlamentari huma ħamsa, u t-tim Malti li kien jinkludi r-Raprezentant Permanenti fi Brussel Daniel Azzopardi u s-Segretarju Permanenti Paul Zahra li kien fost it-tim Malti ta negozjaturi ghal baġit preċedenti jidher li qed isib l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew, u ta’ numru sostanzjali ta’ Membri Stati. Fil-Lussemburgu Farrugia qal li ma jistax jifhem kif fuq naħa ċertu pajjizi jitkellmu dwar kif l-Unjoni Ewropea se tippożizzjona ruħa biex tikkompeti fuq numru ta’ oqsma fuq livell globali ma’ l-ekonomiji tal-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Indja fost oħrajn u imbad qed jimbuttaw baġit li m’hu ambizzjuż xejn. Farrugia qal li bil-baġit li qed jipproponu numru ta’ pajjiżi li jadvokaw tnaqqis fl-ispiza ma nistgħux nilħqu l-objettivi tagħna fl-isferi tal-kummerċ internazzjonali, tibdil fil-klima, u Ewropa soċjali.
Minn naħa l-oħra Malta qalet ‘le’ u le ċara għal kundizzjonijiet ġodda dwar l-implimentazzjoni ta’ Fondi Ewropej. Hawn Farrugia wissa li b’iktar kundizzjonijiet fuq il-Membri Stati kif qed jigi propost mill-Olanda u pajjiżi oħra, inkunu qed nimxu lil hinn mhux biss mit-Trattati iżda saħansitra mill-Objettiv tal-politika ta Koeżjoni. Hu tenna li pajjiż bħal Malta ilu jgħix b’ħafna kundizzjonijiet sa minn qabel l-isħubija ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
“Il-kundizzjonijiet kienu magħna sa minn qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, l-ewwel bl-implimentazzjoni tal-acquis communitaire, u wara bil-kriterji stabbiliti fit-trattati ta’ Maastricht u Kopenhagen, u aktar tard bit-tisħiħ tal-Patt dwar l-Istabilita` u t-tkabbir ekonomiku flimkien mal-ex ante u kundizzjonijiet makorekonomiċi.”
Farrugia tenna wkoll li l-objettivi tal-Politika ta’ Koeżjoni imorru lil hinn mill-aspetti ekonomiċi jew l-implimentazzjoni tar-riformi u l-għan prinċipali għandu jibqa dak li jitnaqqsu l-iżvantaġġi bejn reġjuni differenti, b’mod partikolari fejn hemm żvantaġġi li jirriżultaw minn karateristiċi ġeografiċi u territorjali u li dawn l-għanijiet għandhom jibqghu fic-centru ta’ din il-Politka Ewropeja.
Bil-Gvern Malti fl-aħħar ġimgħat jirregistra rebħa mportanti fejn jidħlu pagamenti diretti lill-produtturi tal-ħalib u t-tadam minn fondi Ewropej, Malta issa qed tagħmel l-argumenti taghha dwar il-fatt li hemm diskrepanza kbira bejn dak li l-pajjiż qed jieħu u dak li qed jaghti fejn jidħlu pagamenti diretti lil bdiewa u r-raħħala u l-iżvilupp rurali.
Minn naha l-oħra Farrugia kompla bil-ħidma tiegħu biex jikseb iktar appoġġ għal żewġ fatturi oħra importanti għal Malta, dik li qed tissejjaħ safety net nazzjonali u t-twessieħ ta’ dawk ir-reġjuni u pajjiżi li jikwalifikaw bħala reġjuni li jinsabu fi transizzjoni. Dawn huma żewġ fatturi importanti biex Malta tikseb ftehim ġust li jgħin lil pajjiżna jikkonsolida u jsostni t-tkabbir ekonomiku li rreġistra fl-aħħar snin.
Mal-Ministru Finlandiz ghall Affarijiet Ewropej Tytti Tuppurainen, hekk kif minn għada l-Finlandja tieħu l-Presidenza tal-kunsill tal-Unjoni Ewropea, Farrugia qal li mhux ġust li pajjiżi li rreġistraw progress u tkabbir jiġu ppenalizzati u bħala ekonomista jemmen li m’ghaddiex biżżejjed żmien biex ngħidu li dawn il-pajjiżi jistgħu ikomplu jikbru mingħajr ma jingħataw għajnuna sostanzjali. Minn naħa l-oħra huwa qal li f’dak li hu dħul għall-Unjoni Ewropea, Malta ma keinitx qed taċċetta taxxi ġodda u dan ghax nemmnu fl-indipendenza fiskali. Xorta wahda Malta lesta tiddiskuti inizjattivi oħra fosthom dawk relatati ma’ kontribuzzjonijiet għal plastik mhux riċiklat.
Fi Brussel Farrugia wassal ukoll il-ħsibijiet ta’ Malta fejn jidħlu fondi relatati mal-immigrazzjoni, fruntieri u ażil u kif ukoll fondi diretti relatati mal-programm Erasmus u fondi għar-ricerka, żvilupp u innovazzjoni fejn Malta mhux biss qed titlob distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata iżda wkoll spjega kif is-Segretarjat tiegħu se jkun qed jiċċentralizza s-sistema fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.