Dinosawri jissieltu fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta filwaqt li oħrajn jiġru mat-toroq tal-Kapitali Maltija u jaqbżu minn bejt għal ieħor.
Dawn huma x-xeni li ddominaw it-trailer il-ġdid li ħareġ għall-aħħar film ta’ Jurassic World, bit-title Jurassic World Dominion.
Trailer li ħareġ il-Ħamis filgħaxija u li sa issa rawh ’il fuq minn 10 miljun ruħ minn madwar id-dinja kollha.
Bosta kienu ħerqana jistennew din l-ewwel togħma ta’ dan il-film li propju se qed ikun deskritt bħala wieħed li se jagħlaq is-separju fuq il-Jurassic Universe fejn fih ilhom joħorġu films sa mill-1993.
Fil-fatt dan il-film se jkun qed jinvolvi l-attur prinċipali tal-ewwel films ta’ Jurassic Park– Sam Neill u Laura Dern. Huma se jkun akkumpanjati wkoll mal-istilla tal-films moderni ta’ Jurassic World – Chris Pratt.
Madankollu dak li jagħmel dan il-film tant partikolari speċjalment għalina l-Maltin huma x-xeni li jinvolvi hekk kif partijiet ewlenin minnhu nħadmu f’pajjiżna. Fil-fatt fit-trailer ta’ dan il-film jidhru ukoll pjanċi tal-vetturi, kif ukoll bnadar ta’ Malta li jkomplu jżidu mad-dehra awtentika ta’ pajjiżna.
L-isfond ta’ pajjiżna fil-film se jkun qed jidher f’xeni miġbuda fil-Belt Valletta, il-Birgu, il-Mellieħa u Pembroke fejn l-irrekordjar tagħhom sar fis-sajf tal-elfejn u għoxrin.
Kienu bosta dawk li assistew għall-ġbid ta’ dan il-film fit-toroq tal-Belt u l-Furjana, fosthom ix-xena li fiha l-karattru ewlieni interpretat minn Chris Pratt, jidher isuq il-mutur waqt li jiġi segwit mid-dininosawri.
Din hija l-ewwel darba li Malta se jkollha parti ewlenija f’film ‘blockbuster’, u mhux sempliċiment isservi bħala sfond minflok pajjiż ieħor.
B’reazzjoni għal dan it-trailer li kellu reazzjonijiet mill-aqwa mal-ewwel sigħat li ħareġ, il-Kummissarju tal-Films, Johan Grech irringrazzja lid-direttur Colin Treverrow talli għażel lil pajjiżna biex jiġbed il-produzzjoni tiegħu.
Fuq il-midja soċjali, il-Kummissarju tal-Films qal li għall-ewwel darba, Malta se tkun parti mill-istorja ta’ dan il-film.
Il-film Jurassic World Dominion kellhu baġit ta’ ‘l fuq minn mija u seba’ u għoxrin miljun ewro.
Oriġinarjament, il-film kien maħsub biex jolqot is-swali taċ-ċinima matul is-sajf ta’ sena li għaddiet, iżda minħabba l-pandemija ġie pospost għal din is-sena.
Jurassic World Dominion mistenni joħroġ fis-swali taċ-ċinima f’Ġunju li ġej.