Intelliġenza Artifiċjali. Teknoloġija ġdida li qed titqies bħala dik tal-futur, b’Malta tkun fost 30 pajjiż madwar id-dinja li qed jaħdem fuq Strateġija Nazzjonali bl-użu tal-intelliġenza artifiċjali.
Għalkemm bosta ma jafux x’inhi intelliġenza artifiċjali, wieħed ikun sorpriż kemm jiltaqa’ magħha matul il-jum, b’mod partikolari jekk juża l-midja soċjali.
Dwar dan spjegalna Matthew Fenech, Konsulent tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Huwa qal li: “AI hi teknoloġija, hi teknika ta’ kif il-kompjuters jistgħu jitgħallmu kif isolvu problemi … L-AI jitgħallem mid-data tiegħek xi tkun trid tara u jġibulek bażikament fuq il-computer.”
Fenech spjega kif bl-intelliġenza artifiċjali, is-sistema titgħallem mid-data tiegħek u b’hekk turik dak li tkun trid tara. Qal kif mistennija naraw aktar AI fil-qasam tas-sewqan u fil-qasam tas-saħħa, bħal pereżempju fid-dijanjożi, fejn stqarr kif dan hu biss il-bidu għal din it-teknoloġija.
Qal kif bosta negozji madwar id-dinja qed jaraw din l-opportunità bħala waħda tad-deheb hekk kif tipprovdi bosta vantaġġi, fosthom dawk ekonomiċi.
Huwa kompla billi qal: “Din hi xi ħaġa li ekonomikament hi importanti ħafna imma anke bħala opportunitajiet li qatt ma ħsibna li se jkollna biha.”
Spjega kif Malta hi waħda mill-ftit pajjiżi li qed jaħsbu b’mod nazzjonali. Għalhekk permezz tal-AI Business in Malta Summit, li għalih attendew bosta persuni, fosthom esperti barranin, setgħet tiġi diskussa aktar l-opportunità kbira li Malta għandha biex issib postha f’dan il-qasam.
Hu kompla jirrimarka li: “Malta mhix se tkun bħall-Amerika jew bħaċ-Ċina li tinvesti l-flus iżda permezz ta’ regolazzjonijiet xierqa bħal m’għandna fil-blockchain, nistgħu nġibu l-investiment Malta li jista’ jkun investiment Ewropew u investiment dinji. Ġifieri hemm opportunitajiet kbar għal Malta.”
Fenech spjega kif dan is-Summit hu l-ewwel pass, hekk kif lejn l-aħħar ta’ din is-sena mistenni jsir Summit ieħor b’rabta mal-intelliġenza artifiċjali, li mistenni jkun akbar u aktar importanti.