Is-sena l-oħra Malta kienet waħda mill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea bl-akbar numru ta’ LSE’s u ħaddiema li jaħdmu mat-tfal, partikolarment fl-iskejjel, djar residenzjali u childcare centres.
Dan tikkonfermah statistika mill-Uffiċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT, fejn turi kif Malta ġiet ‘il fuq mill-medja Ewropea fejn jidħlu dawn il-ħaddiema.
Is-sena l-oħra wieħed fil-mija biss tal-ħaddiema kollha fl-Unjoni Ewropa kienu jinvolvu l-ħaddiema li jaħdmu mat-tfal kif ukoll LSE’s, li b’kollox kienu jammonta għal madwar żewġ miljun ħaddiem.
Il-Eurostat wera kif Malta tagħmilha mal-ewwel sitt pajjiżi u għandha iżjed mid-doppju tal-medja Ewropea fejn jidħlu ħaddiema li jaħdmu mat-tfal.
Fl-ewwel fil-lista nsibu d-Danimarka b’tlieta punt tnejn fil-mija tal-ħaddiema tagħha jaħdmu f’dan il-qasam partikolari, warajha hemm Franza u l-Iżvezja bi kważi tnejn punt erbgħa fil-mija. Il-Portugall u l-Finlandja li t-tnejn għandhom tnejn punt tnejn fil-mija u l-Irlanda u Malta jiġu eżatt wara b’tnejn punt wieħed fil-mija.
B’kuntrast, sittax minn sebgħa u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea kellhom ferm inqas ħaddiema ta’ dan it-tip.
L-inqas pajjiż li għandu dawn il-ħaddiema partikolari huwa l-Italja b’żero punt tnejn fil-mija, warajh ir-Rumanija b’żero punt tlieta fil-mija u imbagħad il-Greċja u l-Ġermanja b’żero punt erbgħa fil-mija, filwaqt li l-Polonja għandha biss żero punt ħamsa fil-mija.
In-Norveġja u l-Iżlanda, żewġ pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropea, għandhom erbgħa fil-mija u tlieta punt ħamsa fil-mija rispettivament tal-ħaddiema jaħdmu mat-tfal.
Dan filwaqt li l-Iżvizzera għandha biss wieħed fil-mija.
Il-Eurostat irrimarkat li l-edukazzjoni hija ferm effettiva fiż-żmien tat-tfulija, u għalhekk dawn il-persuni li jaħdmu magħhom huma kruċjali.