Ir-reġjun tal-Mediterran għandu jkun fuq nett tal-aġenda tal-Unjoni Ewropea. “Deċiżjonijiet strateġiċi f’dan ir-reġjun huma meħtieġa biex l-Unjoni Ewropea tħares lejn il-pajjiżi ġirien fin-Nofsinhar bħala msieħba strateġiċi.”
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’artiklu li kiteb u li ġie ppubblikat fil-ħarġa tal-lum tas-Sunday Times. Dan jiem ’il bogħod minn meta Malta se tilqa’ disa’ Mexxejja tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jinsabu fir-reġjun tal-Mediterran flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew, għas-Summit tal-MED9.
Il-Prim Ministru Robert Abela żied jgħid li l-pajjiżi tal-MED9 għandhom ikunu impenjati li jwasslu messaġġ importanti biex l-Unjoni Ewropea tiddirezzjona l-politika tagħha għall-Mediterran. Dr Abela nnota l-aħħar żviluppi f’dan ir-reġjun fosthom id-diżastri naturali li laqtu lill-Marokk u l-Libja, imnebbħa wkoll minn bidliet klimatiċi.
“Irridu nużaw is-Summit tal-MED9 biex inwasslu politika favur il-ġid reċiproku għall-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ġirien fin-Nofsinhar tar-reġjun”, kiteb il-Prim Ministru fis-Sunday Times. Qal li s-sħubija strateġika, li Malta ilha timbotta anki permezz ta’ impenji importanti li kellu fl-aħħar xhur il-Prim Ministru fl-Italja, fil-Libja u t-Tuneżija, twassal għal ġid ekonomiku fosthom f’setturi emerġenti bħall-enerġija nadifa u l-qasam diġitali.
Qal li l-ġirien tagħna fil-Mediterran jeħtieġu l-għajnuna ta’ riżorsi biex jindirizzaw sfidi li qed jolqtu l-Mediterran. Hawn semma l-għajnuna li pajjiżi bħal-Libja u t-Tuneżija jridu u qed jingħataw biex jiġġieldu t-traffikar uman, li huwa marbut mal-immigrazzjoni, kwistjoni li tolqot lill-Ewropa, partikularment pajjiżi mal-fruntiera.
Il-Prim Ministru tenna kif dak li ilha tisħaq Malta favur sħubija strateġika mal-Afrika ġie rifless fid-diskors tal-Istat tal-Unjoni, li għamlet riċentament il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Qal li kien importanti li twassal dan il-messaġġ. Saħaq li l-laqgħat fuq livell Ministerjali tal-MED9, qabel dak ta’ nhar il-Ġimgħa kienu notevoli fosthom b’dikjarazzjonijiet importanti fuq l-enerġija biex il-Mediterran isir ċentru ta’ enerġija nadifa.
Intant anki l-gazzetta t-Torċa rrimarkat fuq is-Summit importanti tal-MED9 li fih se jara Mexxejja ta’ statura jintlaqgħu f’Malta. Ġie nnutat kif Malta għandha messaġġ qawwi u kredibbli anki fl-isfond tal-indirizz b’saħħtu li għamel il-Prim Ministru fi New York waqt li kien qed jindirizza l-Plenarja tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
“Dan l-avveniment hu xhieda oħra tal-kredibbiltà ta’ pajjiżna fix-xena internazzjonali u l-ħila ta’ Malta li timbotta l-aġenda Mediterranja li tant hi kruċjali għal pajjiżna”, irrimarkat it-Torċa hi u tinnota kif nhar il-Ġimgħa f’Malta se jkun hawn bosta Mexxejja fosthom il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Prim Ministru tal-Italja Giorgia Meloni.
Fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, il-Prim Ministru Robert Abela wassal messaġġ b’saħħtu f’isem pajjiżna kif il-mexxejja ma jistgħux jaqtgħu qalbhom quddiem l-insigurtà li qed taffaċċja d-dinja, u minflok trid tinħoloq era ġdida ta’ sigurtà. Dan il-messaġġ mistenni jkompli jagħti iktar dawl fl-ewwel Summit ta’ profil għoli li se jilqa’ Robert Abela f’pajjiżna.