Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul innota li l-użu tal-intelliġenza artifiċjali f’Malta qed tħalli impatt pożittiv f’diversi oqsam fis-suq tax-xogħol, fosthom fil-qasam tal-kura tas-saħħa u fis-settur finanzjarju.
Dan ġie nnotat hekk kif attenda l-Konferenza tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Fil-kummenti tiegħu, Andy Ellul qal li bħala pajjiż irridu nibqgħu aġġornati bl-aħħar teknoloġiji moderni.
Saħaq ukoll li Malta qed taddotta metodu strateġiku biex jiġi żgurat li kemm il-ħaddiema u kif ukoll in-negozji jaddattaw ruħhom għall-intelliġenza artifiċjali.
Is-Segretarju Parlamentari spjega kif fl-iskejjel qed jiġi integrat it-tagħlim dwar l-intelliġenza artifiċjali. Dan sabiex l-istudenti jkollhom il-ħiliet neċessarji li tirrikjedi dinja tax-xogħol moderna.