Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul attenda għal-laqgħa informali tal-Ministri Ewropej organizzata mill-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
F’din il-laqgħa, li ġabret fiha numru ta’ Ministri Ewropej, is-Segretarju Parlamentari Ellul faħħar il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ser tkun qed tagħti prijorità lis-solidarjetà interġenerazzjonali, anke permezz tal-fatt li l-ġustizzja interġenerazzjonali ser tkun parti mill-portafoll tal-Kummissarju Malti prospettiv.
L-għan prinċipali ta’ din il-laqgħa kien immirat biex jiġu diskussi l-isfidi prinċipali li l-Ewropa għaddejja minnhom u d-direzzjoni li għandha tittieħed bħala t-triq ’il quddiem. It-tema prinċipali ta’ din il-laqgħa kienet il-bdil tad-demografija fl-Ewropa, is-solidarjetà interġenerazzjonali, u l-appoġġ għaż-żgħażagħ fil-ħajja indipendenti.
F’din il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari Ellul tenna li s-solidarjetà interġenerazzjonali għandha tiġi ttrattata b’mod orizzontali. “Huwa punt ċar li l-kooperazzjoni interġenerazzjonali hija essenzjali għas-suċċess fil-futur. Fil-fatt, Malta tilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni l-ġdida ser tkun qed tagħti aktar importanza lil dan is-suġġett billi tagħmel il-ġustizzja interġenerazzjonali parti mill-portafoll tal-Kummissarju Malti,” saħaq Ellul.
Fil-marġini ta’ din il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul kellu wkoll laqgħa mal-Ministru Grieg għax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali, Panagiotis Tsakloglou. Waqt din il-laqgħa bilaterali ġew diskussi temi varji, inkluż is-suq tax-xogħol fil-pajjiżi rispettivi u kif din qed tkompli tissaħħaħ ġewwa pajjiżna. Is-Segretarju Parlamentari Ellul semma wkoll il-viżjoni li pajjiżna qiegħed iħejji flimkien mal-imsieħba soċjali biex ikompli jkollna pajjiż ta’ kwalità.