Malta għandha l-orħos prezz għal kull megabit mill-pajjiżi kollha tal-Ewropa tal-Punent.
Dan ħareġ minn riċerka li saret minn Cable.co.uk, organizazzjoni li tgħin lill-konsumaturi jqabblu l-prezzijiet tal-internet.
Din ir-riċerka saret fuq iżjed minn mitejn u għoxrin pajjiż u r-riċerka saret bejn Jannar u Frar li għadda.
Din ir-riċerka sabet kif f’pajjiżna, il-konsumaturi jaċċessaw l-internet bi prezz ta’ seba’ ċenteżmi għal kull megabit. Dan filwaqt li wara Malta, f’din ir-riċerka jsegwu Spanja, Żvezja u l-Portugall, minn fost disgħa u għoxrin pajjiż Ewropew.
Ir-rata ta’ pajjiżna tikkumpara sew ma’ pajjiżi bħall-Irlanda, hekk kif il-konsumaturi jħallsu ewro u ħamsa u tletin ċenteżmu (€1.35) għal kull megabit.
Intqal kif f’Malta hawn tnax-il pakkett ta’ broadband tal-internet. Bl-irħas pakkett ta’ broadband ikun ta’ ftit inqas minn għoxrin ewro, waqt li l-ogħla pakkett tal-internet huwa ta’ kważi ħamsin ewro.
Skont din ir-riċerka, il-prezz medju ta’ dawn it-tnax-il pakkett f’pajjiżna huwa ta’ tnejn u tletin ewro u tlieta u ħamsin ċenteżmu.