Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, minn Jannar sa Marzu, Malta kellha l-ogħla żieda fis-settur tax-xogħol minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT.
F’dan il-perjodu msemmi, pajjiżna kellu żieda ta’ aktar minn tmienja fil-mija fis-settur tax-xogħol, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
F’din l-istatistika ħareġ li Malta għadha l-akbar żieda fis-settur tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea, u wara jiġu l-Estonja u l-Irlanda.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li r-rata ta’ pajjiżna tisboq sew ir-rata medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, hekk kif id-differenza hija ta’ 6.6 fil-mija.
Din iż-żieda qawwija fis-settur tax-xogħol ġiet irreġistrata minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent ta’ bħalissa, kawża tal-gwerra fl-Ukrajna.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li, f’dan l-ewwel kwart tas-sena, pajjiżna kellu fost l-akbar tkabbir ekonomiku mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, meta mqabbel mal-ewwel kwart ta’ sena qabel.
Dan hekk kif Malta kellha tkabbir ta’ 3.2 fil-mija, meta mqabbel mal-istess perjodu ta’ sena qabel.
Hawnhekk, ir-rata ta’ pajjiżna tisboq sew ir-rata medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li hija wieħed fil-mija. Dan ifisser li d-differenza bejn it-tkabbir ekonomiku f’Malta u l-medja tat-tkabbir fl-Unjoni Ewropea hija ta’ 2.2 fil-mija.
Din l-istatistika ħarġet ftit ġimgħat wara li t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea għar-Rebbiegħa bassar li pajjiżna se jkollu fost l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, din is-sena u s-sena d-dieħla.