Fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet, jiġifieri bejn Ottubru u Diċembru 2021, Malta kellha l-ogħla żieda fir-rata ta’ impjiegi mis-sebgħa u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Dan meta mqabbel mat-tielet kwart tas-sena li għaddiet, jiġifieri bejn Lulju u Settembru tal-2021.
Dan ħareġ minn statistika maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Hawnhekk bejn Ottubru u Diċembru tal-2021, pajjiżna kellu żieda fir-rata ta’ ħaddiema ta’ kważi tnejn fil-mija.
Hawnhekk ir-rata ta’ pajjiżna taqbeż sew ir-rata tal-medja tal-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hija ta’ nofs perċentwal (0.5%). Hawnhekk pajjiżna jaqbeż il-medja Ewropea b’wieħed punt tlieta fil-mija.
Wara Malta, fir-rata tal-akbar żidiet fl-impjiegi kien hemm il-Greċja, l-Estonja, l-Irlanda u l-Kroazja.
Dan filwaqt li kellek pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li kellhom nuqqas fir-rata ta’ impjiegi fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet. Fost dawn hemm pajjiżi bħal-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Islovenja u l-Latvja.
Din l-istatistika mill-Eurostat tkompli turi ż-żieda fir-rata ta’ impjiegi f’pajjiżna, dan anki meta Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja. Barra minn hekk din l-istatistika tikkonferma l-irkupru b’saħħtu mill-pandemija u l-miżuri li ħa l-Gvern f’mumenti ta’ sfida, li kien ta’ spalla kemm lill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Skont statistika oħra tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fi Frar li għadda kien hawn elf, mija u ħamsa u għoxrin (1,125) persuna jirreġistraw għax-xogħol ma’ JobsPlus. Dan apparti li statistika oħra tal-Eurostat fi Frar uriet li kien hemm l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.