Malta rreġistrat tkabbir ta’ 1% fir-rata ta’ impjiegi bejn April u Ġunju. B’hekk issib postha fil-quċċata tal-klassifika tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Fit-tieni kwart tal-2017, l-impjiegi f’Malta kienu 4.7% ogħla mill-istess perjodu ta’ sena qabel. B’hekk, pajjiżna reġa’ kellu l-aqwa rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea.
Bħala medja, fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, it-tkabbir fl-impjiegi kien ilaħħaq 1.5%. Dan huwa tliet darbietinqas mir-rata ta’ tkabbir li kien hawn f’pajjiżna.
Iż-żieda fl-impjiegi qed tinħass l-iktar fil-qasam tas-servizzi, speċjalment fir-remote gaming u r-real estate, fejn iż-żidiet kienu ta’ iktar minn 10%. Kien hemm żidiet ta’ iktar minn 5% fil-kostruzzjoni, fl-informazzjoni u l-komunikazzjoni, fis-settur finanzjarju, u fis-servizzi professjonali u tekniċi.
Dan ir-riżultat jikkonferma l-istatistika fuq it-tkabbir fil-ġid nazzjonali matul it-tieni kwart tas-sena. Filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea kien hemm tkabbir ta’ 2.3%, pajjiżna kellu rata ta’ tkabbir ta’ 6.4%, kważi tliet darbiet iktar.
L-istatistika uffiċjali turi wkoll li s-settur finanzjarju, li skont l-Oppożizzjoni suppost kien qed jippakja biex jitlaq minn pajjiżna, fil-fatt kabbar l-operat b’€23 miljun, jew b’7.4%, fl-ewwel nofs tal-2017. Is-settur tal-online gaming, settur ieħor li skont l-Oppożizzjoni kien qed jaħseb biex jitlaq, kiber b’€58 miljun, jew b’10%, fl-istess żmien.
Dawn huma konfermi tal-andament ferm pożittiv tal-ekonomija. Il-Gvern se jiffoka biex fiż-żmien li ġej l-infrastruttura ta’ pajjiżna, kif ukoll ir-riżorsi umani u naturali ta’ pajjiżna, jitjiebu biex kulħadd ikun jista’ jgawdi iktar mill-frott tat-tkabbir ekonomiku.