Ċifri tal-Eurostat juri li matul is-sena li għaddiet Malta kellha l-ogħla rata ta’ impjieg fost il-gradwati riċenti fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
L-istatistika turi li 95% tal-gradwati Maltin irnexxielhom isibu impjieg. Malta kienet segwita minn dawk Ġermaniżi b’91 fil-mija u tal-Olanda u r-Repubbika Ċeka b’90%.
Min-naħa l-oħra, l-istastitka turi wkoll li l-inqas rati ta’ gradwati riċenti li rnexxielhom isibu impjieg wara li ggradwaw kienu żgħażagħ Griegi bi 52 fil-mija u ż-żgħażagħ Taljan b’55 fil-mija.
Il-Eurostat qal li l-kisbiet edukattivi għandhom rwol kruċjali meta l-gradwati riċenti jkunu qegħdin ifittxu impjieg.
Iċ-ċifri juru wkol li r-rati ta’ impjieg għal gradwati riċenti fl-Unjoni Ewropea b’edukazzjoni terzjarja kienet ta’ 85% waqt li l-istudenti li ggradwaw f’suġġetti vokazzjonali li jinkludu studenti f’istituzzjonijiet post-sekondarji kienet ta’ 77%.
Ir-rata ta’ impjieg għall-gradwati ġenerali f’livell mhux terzjarju kienet ferm anqas ta’ 64%.