Matul Ġunju u Awwissu ta’ din is-sena, pajjiżna rreġistra l-ogħla żieda f’iljieli li qattgħu t-turisti, fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ skont ċifri maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
F’din l-istatistika ħareġ kif pajjiżna rreġistra żieda ta’ kważi mija u għoxrin fil-mija meta mqabbel mal-elfejn u għoxrin, is-sena tal-pandemija.
Dan hekk kif bejn Ġunju u Awwissu tas-sena l-oħra, it-turisti f’Malta qattgħu iżjed minn tmien mija u tletin elf lejl, waqt li fl-istess perjodu din is-sena, it-turisti qattgħu aktar minn miljun u tmien mitt elf lejl. Dan ifisser differenza ta’ ftit aktar min disa’ mija u sebgħin elf lejl.
F’din l-istatistika, Malta ġiet segwita minn Spanja u l-Greċja, li bħal Malta wkoll huma pajjiżi Mediterranji u huma postijiet turistiċi.
Kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea ra żieda fit-turisti din is-sena meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, għajr għal-Latvja.
F’dan tal-aħħar kien hemm nuqqas ta’ sittax fil-mija.
Dwar din l-istatistika, ONE News tkellem mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, fejn sostna kif il-Gvern kien ta spalla f’dan iż-żmien, hekk kif intefqu għoxrin miljun ewro fil-pjan ta’ rkupru tas-settur turistiku. Dan apparti l-investiment fil-Covid Wage Supplement u l-iskema tal-vouchers.
Qal, “Ikompli juri li l-investiment li qegħdin nagħmlu fil-pjan ta’ rkupru għas-settur tat-turiżmu ta’ pajjiżna qed iħalli l-frott. Tant kemm hu hekk illi r-riżultati ta’ pajjiżna huma sitt darbiet aħjar mill-medja Ewropea. Dan kollu juri kif l-irkupru tas-settur turistiku għadu għaddej tant illi f’Settembru u Ottubru kellna l-aħjar ammont ta’ wasliet f’pajjiżna għal matul din is-sena u issa xogħlna huwa li nkomplu nsostnu dawn il-wasliet f’pajjiżna għal żmien il-Milied.”