Statistika mill-Università rinomata ta’ Oxford ippubblikata fuq is-sit ‘Our World in Data’ turi kif Malta għandha l-iżjed nies imlaqqma bid-doża tal-booster mill-pajjiżi kollha Ewropew.
Hawnhekk pajjiżna jaqbeż pajjiżi bħar-Renju Unit u d-Danimarka.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq Twitter.
Il-proċess ta’ vaċċinazzjoni bid-doża addizzjonali f’Malta beda fil-bidu ta’ Settembru li għadda, fejn fost l-ewwel persuni tlaqqmu dawk l-aktar vulnerabbli u dawk fid-djar tal-anzjani.
Imbagħad it-tilqim kompla skont il-kategoriji ta’ età u bħalissa din tinsab miftuħa għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 18-il sena.
Fi statistika oħra mill-istess Università, li ppubblika wkoll id-Deputat Prim Ministru, turi kif Malta għandha l-inqas nies fl-isptarijiet bil-Covid-19 fl-Ewropa.
Skont l-aħħar aġġornament mill-awtoritajiet tas-saħħa, li ħarġu lbieraħ juru kif fl-isptarijiet hemm 115-il persuna, b’sebgħa minnhom qegħdin fl-ITU.
Hawnhekk id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal kif il-booster qed iħalli impatt pożittiv u jaħdem. Appella lin-nies sabiex jitlaqqmu fuq is-sit vaccin.gov.mt.