Mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea Malta għandha l-iżgħar medja ta’ età fost ir-rappreżentanti tagħha fil-Parlament Ewropew, li għadhom kemm ġew eletti fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda.
Dan joħroġ minn statistika tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, li analizza l-etajiet tal-Membri Parlamentari Ewropej kollha eletti fis-sebgħa u għoxrin stat membru.
Hawn instab li l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin, bejniethom, għandhom rata medja ta’ età ta’ wieħed u erbgħin sena, waqt li fost il-pajjiżi kollha l-medja titla’ għal ħamsin sena.
Skont l-istess statistika, il-Lussemburgu għandu l-ogħla medja f’dan ir-rigward fost ir-rappreżentanti tiegħu, b’rata ta’ sittin sena.
Meta jitqiesu s-sitt Ewroparlamentari Maltin, wieħed isib li l-akbar wieħed minnhom hu David Casa mill-Partit Nazzjonalista fl-età ta’ ħamsa u ħamsin sena, waqt li l-iżgħar wieħed hu Thomas Bajada mill-Partit Laburista bi tletin sena.
Nofs il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin diġà kienu parti mill-leġiżlatura li għaddiet, waqt li l-bqija huma kollha ġodda.
Dwar dan, irreaġixxa wkoll l-iżgħar MEP Malti li, f’kitba fuq il-midja soċjali, sostna li hu kburi li jirrappreżenta lil pajjiżna bħala l-iżgħar MEP.
Bajada wkoll esklama kif pajjiżna, bħala wkoll l-iżgħar stat membru u bl-inqas medja mir-rappreżentanti, faċilment jgħin biex jitressqu ’l quddiem perspettivi ġodda u enerġija żagħżugħa għall-Unjoni Ewropea.
Mir-riċerka tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew ħareġ li, fost is-720 Membru Parlamentari Ewropew għal din il-leġiżlatura, jirriżulta li l-iżgħar wieħed għandu 23 sena, waqt li l-akbar għandu 76 sena.